Il-Bank APS nieda l-APS Green Term Deposit, prodott ġdid fejn id-depożiti tal-klijenti se jintużaw biss biex jiffinanzjaw proġetti favur l-ambjent u għal self ekoloġiku lill-kumpaniji.
Id-depożiti se jkunu għal termini fissi sa ħames snin u għandhom jibbenefikaw minn rati ta’ imgħax kompetittivi.
Din l-inawgurazzjoni saret mill-Kap Eżekuttiv tal-Bank Marcel Cassar u mill-Ministru responsabbli mill-Ambjent u l-Intrapriża Miriam Dalli.
Is-Sur Cassar qal li l-bank joffri prodotti finanzjarji sostenibbli u li huma konformi mal-istrateġija dwar l-ambjent, is-soċjal u l-governanza. Żied jgħid li dan il-prodott ikompli jibni mar-reputazzjoni tal-bank li joffri prodotti innovattivi.
Min-naħa tagħha l-Ministru Miriam Dalli qalet li l-APS qiegħed kontinwament josserva u jimxi mal-għanijiet tal-pajjiż u l-Gvern sabiex tinkiseb ekonomija ħadra fl-iqsar żmien possibbli.
Il-Ministru Dalli qalet, “Huwa ta’ sodisfazzjon li nara bank bħall-APS li qed ivara prodott li se jkun qed jilħaq lil kulħadd, irrelevanti minn jekk persuna għandhiex ammont ta’ flus x’tiddepożita jew inqas. U naħseb li b’dan il-mod inkunu verament qed ninvolvu lill-komunità kollha kemm hi għaliex wara kollox din hija tranżizzjoni ta’ pajjiż sħiħ kollu kemm hu, li jinvolvi s-settur finanzjarju u li jinvolvi l-komunità tal-businesses però jinvolvi lil kull wieħed u waħda minna.”
Għal aktar informazzjoni dwar dan il-prodott, wieħed jista’ jżur is-sit apsbank.com.mt