Is-sit popolari mat-turisti Travel Pulse kklassifika lill-belt kapitali Maltija bħala l-aktar belt Ewropea immersiva li tati esperjenza ħolistika lill-turist Amerikan li jixtieq jesplora bliet Ewropej.
Dan ħareġ minn studju li sar mill-Icelandair li analizzat aktar minn 30 belt Ewropea u tat punti skont l-esperjenza li qed ifittex it-turist Amerikan, fosthom: attivitajiet lokali, l-użu tat-trasport, postijiet ta’ divertiment u ristoranti.
F’dan l-istudju, il-Belt Valletta kisbet l-ogħla punteġġ ta’ 442 minn 500 punt.
Fl-artiklu ppubblikat fuq is-sit jingħad li bosta turisti Amerikani llum il-ġurnata qed ifittxu li jkollhom esperjenza ta’ vaganza differenti, fil-fatt, qed ifittxu ġiti f’lokalitajiet b’esperjenzi lokali li joffru kultura u saru jippreferu akkomodazzjoni li tkun qrib il-ħajja ta’ kuljum li jgħixu n-nies fil-lokalitajiet. Din il-moda mistennija tiżdied matul din is-sena.
L-istudju ta ħarsa wkoll liema postijiet u pajjiżi li l-aktar li jitkellmu b’Ingliż, u għalhekk turist Amerikan ikollu komunikazzjoni tajba meta jkun qed iżur il-pajjiż.
Minkejja li l-Belt hija l-iżgħar waħda fl-Ewropa, is-sit popolari jgħid li tati varjetà rikka lil min iżurha, bi storja ta’ 7,000 sena u bit-titlu tal-UNESCO World Heritage Site, il-belt kapitali Maltija toffri esperjenza unika u intima għall-gosti li saru aktar popolari mat-turist Amerikan.
Fit-tieni post f’lista ta’ 20 belt hemm Reykjavik l-Iżlanda issegwi Amsterdam, in-Netherlands. Londra u Pariġi ġew ikklassifikati fil-ħames u 12-il post rispettivament.