Raġel fl-istat Amerikan ta’ Mississippi qed jinżamm arrestat wara li spara u qatel lill-eks mara tiegħu u ħames persuni oħra, fi qtil li seħħ f’postijiet differenti f’komunità żgħira.
Sa issa għad mhux magħruf x’kien il-mottiv wara dan l-attakk.
L-awtoritajiet Amerikani qalu li huwa beda billi daħal f’ħanut tal-merċa u spara lil raġel li jidher li ma kienx jaf, u wara daħal fid-dar tal-eks mara biex joqtolha, u ta xebgħa lill-għarus tagħha.
Wara, huwa mifhum li daħal f’residenza viċin fejn jgħix hu u qatel mara u raġel, qabel ma spara fuq żewġ persuni oħra f’karozza viċin il-post.
Dan il-każ huwa t-73 każ tax-xorta tiegħu fl-Istati Uniti mill-bidu ta’ din is-sena biss, u r-residenti ta’ din il-komunità żgħira għadhom taħt xokk, hekk kif każijiet bħal dawn qatt ma jsiru f’din il-komunità rurali.