Kompla jissaħħaħ l-operat tal-Kunsill Konsultattiv għall-Agrikoltura, hekk kif fi ħdanu issa hemm rappreżentanza ta’ bosta persuni li ta’ kuljum jaħdmu fil-qasam. Dan ħabbru l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn spjega kif il-kunsill issa jikkonsisti minn aktar bdiewa u raħħala.
Il-Kunsill ġie ristrutturat sabiex il-bdiewa u r-raħħala jkunu l-qofol ta’ dan il-kunsill u għaldaqstant issa għandu rappreżentanti mis-setturi agrikoli kollha, fosthom rappreżentanza ta’ bdiewa u raħħala żgħażagħ.
Ġie spjegat ukoll li r-rappreżentanti tas-setturi differenti fi ħdan il-kunsill, fosthom dawk tan-nagħaġ u mogħoż, tal-ipproċessar tat-tadam, tal-frott u l-ħaxix, tal-fniek, tal-laħam u oħrajn, jistgħu jaħtru sotto-kumitat għall-qasam tagħhom biex b’hekk jinkludu aktar il-vuċi tal-bdiewa u r-raħħala fid-deċiżjonijiet u diskussjonijiet li jittieħdu.
“Ta’ min jinnota kif il-kunsill għandu membri ġodda fi ħdanu li ġejjin minn oqsma differenti fi ħdan is-settur agrikolu, u li huma nies li ta’ kuljum imissu ma’ dak li jiġi diskuss fil-kunsill. F’perjodu fejn is-settur agrikolu għadda minn sfidi minħabba avvenimenti internazzjonali, huwa aktar importanti li naraw li l-kunsill konsultattiv ikun wieħed effettiv. B’hekk il-Gvern qed ikompli jżomm kelmtu mal-bdiewa u raħħala,” temm jgħid il-Ministru Anton Refalo.
Il-kunsill il-ġdid, fost temi oħrajn, qed jiddiskuti wkoll ir-riforma dwar il-kirja tal-qbiela fuq art agrikola privata.