Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) minnufih ħarġet notifika biex jitwaqqfu x-xogħlijiet f’Birkirkara wara li evidentament dehret ħidma perikoluża ta’ twaqqigħ ta’ bini.
Fi tweġibiet lill-ġurnalisti waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru qal li ngħataw il-multi għal min kien responsabbli li ma mexiex mal-metodu kif kellhom isiru xogħlijiet.
Innota wkoll li ċ-Chairperson tal-BCA mhux eżekuttiv kienet Perit prattikanti u wara l-każ kien evidenti li l-pożizzjoni tagħha ma kinitx tenibbli.
Mistoqsi dwar Chairperson tal-BCA li jkun full-time, il-Prim Ministru rrimarka li ftit inqas minn sentejn ilu l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni lanqas kienet teżisti u kien dan il-Gvern li waqqafha u issa qed tikber.
Dr Abela fakkar li l-Awtorità għandha Kap Eżekuttiv full-time ddedikat fuq ħidmet l-Awtorità.
Il-Prim Ministru nnota li b’kariga ta’ Chairperson mhux eżekuttiv, il-pakkett ta’ salarju tiegħu huwa relattivament baxx u għalhekk huwa diffiċli li ssib persuni li jirrinunzjaw il-professjoni tagħhom biex jaħdmu b’dak il-pakkett ta’ salarju sakemm ma żżid ir-rinumerazzjoni.
Il-Prim Ministru spjega li issa nħatret persuna rtirata u allura mhiex prattikanti.
Dr Abela qal li ċ-Chairperson il-ġdid mhux eżekuttiv tal-BCA huwa Saviour Camilleri, li għandu esperjenza wiesgħa kemm teknika u fuq livell maniġerjali fil-qasam tal-kostruzzjoni u l-amministrazzjoni pubblika.