SOS Malta tinsab it-Turkija, fejn qed tipprovdi għajnuna kritika lill-familji spostati u milquta mit-terremot devastanti.
Il-kap tal-missjoni, David Grech, qed imexxi t-tim Malti, li se jaħdem biex iġib u jqassam dak li għandhom bżonn il-vittmi tat-terremot li ħakem lis-Sirja u t-Turkija fis-6 ta’ Frar.
Aktar minn 40,000 persuna nqatlu madwar iż-żewġ pajjiżi u l-ammont ta’ persuni bla saqaf fuq rashom kull ma jmur qed ikompli jiżdied.
SOS Malta irringrazzjat lill-pubbliku talli wieġeb għall-appelli tagħha għal donazzjonijiet, li bdew ftit sigħat wara li seħħ it-terremot.
“Il-ġenerożità tiegħek se tagħmel differenza vitali fil-ħajja ta’ dawk li għandhom bżonnha l-aktar bħalissa. Grazzi.”
SOS Malta hija Organizzazzjoni Volontarja reġistrata f’Malta mwaqqfa fl-1991, li għandha l-għan li tgħin lin-nies fi żminijiet ta’ kriżi. SOS Malta taħdem ma’ organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali biex tassisti gruppi soċjalment żvantaġġati fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja tagħhom.