President tal-Malta Football Association, Bjorn Vassallo, huwa wieħed minn 11-il kandidat li qed jikkompetu għas-seba’ karigi fil-kumitat eżekuttiv tal-UEFA.
Il-UEFA ħarġet il-lista uffiċjali tal-kandidati li se jkunu qed jikkontestaw ir-rwoli differenti.
Is-Sloven Alexander Ceferin mhux ikkontestat għar-rwol ta’ President, u mistenni jkun ikkonfermat għall-erba’ snin li ġejjin.
Il-Viċi President tal-assoċjazzjoni tal-futbol tal-Ġermanja, Hans Joachim Watzke, ukoll mhux se jkun qiegħed jiġi kkontestat, u se jiġi elett għal perjodu ta’ sentejn.
Laura McAllister se tiġi eletta awtomatikament, peress li l-ebda mara oħra mhu se tkun qed tikkontesta għal rwol fil-kumitat eżekuttiv tal-UEFA.
Il-President Vassallo se jkun qed jikkompeti mal-presidenti tal-assoċjazzjonijiet tal-futbol ta’ Spanja, tad-Danimarka, tal-Albanija, taċ-Ċekja, tal-Ukrajna, tal-Ġorġja, tal-Iskożja, tan-Norveġja, u tal-Liechtenstein għall-postijiet li fadal fil-kumitat eżekuttiv.
Il-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA huwa l-korp eżekuttiv suprem tal-UEFA, u jikkonsisti mill-President tal-UEFA u 16-il membru ieħor.
L-avukat Joe Mifsud huwa l-aħħar Malti li kien fl-Eżekuttiv tal-UEFA. Huwa kien spiċċalu t-terminu tiegħu fil-kariga ta’ Viċi President tal-UEFA fl-2011.
Jekk Vassallo jiġi elett, huwa xorta waħda jibqa’ jżomm il-kariġa ta’ President tal-MFA.