Waqt li faħħar lill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għad-diversi xogħlijiet Ii qed isiru f’bosta rħula madwar il-pajjiż għall-ġid tar-residenti, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, ħabbar li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi se jkun qed jaħdem fuq proġett ta’ restawr fuq iz-zuntier tal-Knisja ta’ Sant’Antnin ta’ Padova f’Għajn Dwieli.
Huwa qal li dan ix-xogħol, li se jsir mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, minbarra r-restawr taz-zuntier se jkun qed jinkludi wkoll it-tibdil u r-restawr ta’ 170 balavostra li jinsabu fi stat perikoluż. Zrinzo Azzopardi spjega li, sabiex ikun hemm aċċess aħjar għall-knisja, se tinħadem rampa ġdida.
Il-Perit Joseph Zerafa Boffa ta iktar dettalji fuq ix-xogħlijiet li se jsiru. Huwa qal li l-balavostri l-ġodda qed jinħadmu bil-konkos bħal dawk oriġinali. Din id-darba, is-sinsla tagħhom, li sservi ta’ rinforz, se tkun tal-fibre u mhux tal-ħadid, ħalli ma ssaddadx, u jiġi evitat li ssirilhom il-ħsara ’l quddiem. Il-Perit Zerafa Boffa qal li l-forma tal-balavostri se tinħadem eżatt bħall-oriġinali.
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar qal li proġett bħal dan f’Għajn Dwieli jirrifletti l-impenn tal-Gvern li jkompli jsebbaħ spazji pubbliċi fil-komunitajiet ta’ madwarna u saħaq fuq l-importanza li jibqa’ jkun hemm aktar kollaborazzjoni bejn il-Kunsilli lokali u L-Gvern.
“Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi se jkun qed jagħti assistenza lil-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid biex isir rinnovar fuq iz-zuntier f’Għajn Dwieli, zuntier li għandu bżonn xogħlijiet estensivi marbuta mal-balavostri li kienu tqiegħdu numru ta’ snin ilu. Inħares ’il quddiem biex inkomplu nsaħħu din il-kollobarazzjoni li qed tinħoloq bejn il-kunsilli lokali flimkien mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi biex inkomplu nagħmlu xogħol li jkun ta’ġid għal-lokalitajiet tagħna.”