Il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista kompla jattira iktar kritika filwaqt li baqgħet tiġi rrimarkata l-firda li qed tiddomina fih taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech.
Din id-darba kien il-ġurnalist u artikolista indipendenti Raphael Vassallo, li f’artiklu ta’ opinjoni li kiteb fuq il-Maltatoday espona l-inkonsistenzi fid-diskors ta’ Bernard Grech u pponta subgħu lejn l-istandards doppji fid-Dar Ċentrali.
Vassallo kiteb li d-diskors li għamel il-Kap Nazzjonalista l-Ħadd filgħodu fl-għeluq il-Kunsill Ġenerali kellu elementi kontradittorji: filli jammetti l-firda fi ħdan il-Partit tiegħu stess u filli, ftit mumenti wara, jgħid li l-firda hija perċezzjoni.
Il-Ħadd, ONE News proprju rrapporta dwar dan fl-għeluq tal-Kunsill Ġenerali, u rrefera għall-inkonsistenzi tal-Kap Nazzjonalista.
“Li jekk ma titlax f’xi elezzjoni, mhux jeħel il-Partit, imma jekk tiġi elett, hija kapaċità tiegħek u ħila tiegħek; li jekk tittieħed deċiżjoni li ma togħġbokx, mhux nattakka u nsawwat u nitfa’ l-vleġeġ.”
“Għaliex il-perċezzjoni għadha li dan il-partit m’huwiex magħqud biżżejjed.”
Raphael Vassallo għadda rimarka wkoll dwar id-dubju li xeħet il-Partit Nazzjonalista fuq is-surveys, partikolarment permezz ta’ Mary Ann Lauri, li hija l-President tar-Riċerka Politika tal-PN.
Fil-fatt, waqt id-diskors tagħha, Mary Ann Lauri wissiet biex l-attivisti ma jimpressjonawx ruħhom mis-surveys.
“Se ngħid naqra fuq dawn is-surveys. Jien il-President tar-Riċerka Politika u ma nistax ma nsemmihomx. Meta taqraw dawk l-imberking surveys, aqrawhom b’dan f’moħħkom: li hemm margin of error ta’ plus or minus three percent. Ejja nkunu bil-għaqal.“
Intant, Vassallo temm l-artiklu tiegħu billi pponta lejn ir-riżultati tal-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech, b’rabta mas-surveys.
Vassallo sostna li Grech huwa responsabbli għal dawn ir-riżultati ħżiena għax kellu jkun hu li jfejjaq il-ferita miftuħa fi ħdan il-Partit Nazzjonalista; sitwazzjoni li qed twassal għar-riżultati ħżiena.
“Not only because he himself was supposed to be the PN leader to actually ‘heal’ this ‘open wound’, in the first place; but because it is now HIS own failure, as PN leader – and not Adrian Delia’s – that is causing all those ‘negative polls’, to begin with.“
Il-ġurnalist indipendenti u ta’ esperjenza semma l-istandards doppji fil-Partit Nazzjonalista u sostna li, meta kien fl-istess sitwazzjoni ta’ Grech, aktar minn sentejn ilu Adrian Delia tqaċċat mill-Partit Nazzjonalista.
Dan seħħ preċiżament għall-istess raġunijiet.
“If the same dynamics, two years ago, dictated that Adrian Delia should be ousted from the leadership, precisely because of those failures… doesn’t it follow – by Bernard Grech’s own logic, please note – that the same fate should now be shared by the PN’s current leader, too? “