Għad-disa’ darba l-Malta Pool Association ġiet fdata mill-European Eight Ball Pool Federation biex torganizza l-kampjonati Ewropej ġewwa pajjizna. Dan se jsir bejn id-19 u l-24 ta’ ta’ Frar.
Il-kampjonati ser jinkludu disa’ kategoriji li huma tal-Irgiel A, Irġiel B, Irġiel C, Nisa, Żgħazagħ taħt it-tmintax –il sena, Żgħażagħ taħt it-tlieta u għoxrin sena, żewġ kategoriji A u B għall-plejers ta’ aktar minn ħamsin sena kif ukoll kategorija għall-plejers ta’ aktar minn sittin sena.
Barra l-kampjonati tat-timijiet fl-istess perijodu ser jintlagħbu l-kampjonati individwali Ewropej għall-kategoriji tal-Irġiel, Nisa, Żgħazagħ taħt it-tmintax –il sena, Żgħażagħ taħt it-tlieta u għoxrin sena kif ukoll għall-kategorija ta’ plejers ta’ aktar minn ħamsin sena u dawk ta’ sittin sena.
F’ dawn il-kampjonati ser jieħdu sehem mhux anqas minn 10 pajjiż fosthom Belġju, Ċipru, Franza, Ingilterra, Irlanda, Irlanda ta’ Fuq, Malta, Portugal, Skozja, u Wales.
L-aqwa plejers Ewropej, li jinkludu diversi plejers professjonali, ser ikunu ġewwa pajjiżna. F’ dawn il-kampjonati ser jieħdu sehem numru rekord ta’ parteċipanti li jilħaq mhux anqas minn 81 tim kif ukoll aktar minn 600 plejer f’ kategoriji differenti.
Il-ftuħ tal-kampjonati ser issir nhar il-Ħadd 19 ta’ Frar biċ-ċerimonja tal-ftuħ tibda fl- 10.30 ta’ filgħodu. Il-logħob tal-kampjonati jibda l-Ħadd fil-12 pm u jibqa’ sejjer sal-Ġimgħa meta jintlagħbu l-finali tal-kategoriji individwali kollha. Il-preżentazzjoni tal-unuri ser issir il-Ġimgħa 24 ta’ Frar filgħaxija.
Malta ser tkun rappreżentata minn ħdax il-tim Irġiel A, Irgiel B, Irġiel C, tim femminili, zewġ timijiet A u B fil-kategoriji taż-żgħazagħ taħt it-tmintax –il sena u taħt it-tlieta u għoxrin sena, zewġ timijiet A u B fil-kategorija tat-timijiet ta’ plejers akbar minn ħamsin sena kif ukoll tim fil-kategorija ta’ plejers akbar minn sittin sena.
Malta rebħet il-kampjonati Ewropej fil-kategorija tal-Irġiel tliet darbiet fil- 2002, 2008 u 2013 filwaqt li rebġet il-kampjonati taż-żgħazagħ ta’ taħt it-tmintax –il sena fl- 1999 u erba’ darbiet il-kampjonati taż-żgħazagħ ta’ taħt it-tlieta u għoxrin sena fil- 2015, 2016, 2018 u 2022.
F’ dawn il-kampjonati t-tim malti taż-żgħazagħ ta’ taħt it-tlieta u għoxrin sena ser ikun qiegħed jiddefendi t-titlu kif l-istess ser jaghmel Dejan Grech li rebaħ il-kampjonati Ewropej Open tal-Irġiel is-sena l-ohra fl-Irlanda.
Aktar unuri miksuba mill-assoċjazzjoni huma r-rebħ tal-kampjonati mondjali tal- kategorija taż-żgħazagħ ta’ taħt il-wieħed u għoxrin sena fil- 2011 kif ukoll il-kampjonati mondjali tal-kategorija tal-Over 50s fl-2018. Anton Cuschieri u Clayton Attard rebħu t-titlu tal-Kampjonati Ewropej individwali fl- 2017 u 2011 rispettivament.
Christ Mills champion tad-dinja tal-kategorija Over 50’s fl-2018 filwaqt li Scott Muscat huwa d-detentur tat-titlu mondjali taż-żgħazagħ ta’ taħt il-ħamsa u għoxrin sena mirbuħ f’ Ottubru li għadda ġewwa l-Irlanda.
Id-dhul għal kampjonati ser ikun b’ xejn. Il-kampjonati ser ikollhom fond ta’ premjijiet ta’ mhux anqas minn € 26,200. Id-direttur tal-kampjonati Ewropej ser ikun Vincent Degiorgio li huwa s-segretarju tal-Malta Pool Association kif ukoll teżorier tal-European Eight Ball Pool Federation u World Eight Ball Pool Federation għal dawn l-aħħar 22 sena.