Tirreżenja Nicola Sturgeon, il-mexxej tal-Iskozja. Hija ħabbret din id-deċiżjoni lbieraħ wara tmien snin fil-kariga.
Għalhekk, ilejla se jitlaqqa l-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit li tmexxi, l-SNP, biex jibda l-proċess għall-elezzjoni għas-suċċessur tagħha. Sturgeon se tibqa’ fil-kariga sakemm jiġi elett il-mexxej il-ġdid.
Din id-deċiżjoni, li tħabret f’konferenza tal-aħbarijiet, ġiet bħal sajjetta fil-bnazzi, iżda, il-mexxej Skoċċiża qalet li din hi deċiżjoni li kienet ilha taħseb dwarha. Żiedet tgħid li biex politiku verament jagħti servizz tajjeb lill-poplu, għandu jagħraf meta jasal iż-żmien li jwarrab u jagħmel post għal ħaddieħor. Temmet tgħid li hija tħoss li issa huwa ż-żmien ideali biex setgħet tieħu dan il-pass, kemm għal ġid tal-partit u anke għall-Iskozja.
Fost il-kandidati għall-elezzjoni tal-mexxej hemm imsemmija John Swinney, li fil-preżent huwa d-deputat mexxej tal-partit SNP.