Tħabbar ir-riżultat ta’ proġett iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea b’kollaborazzjoni mal-Bank Dinji: riżultat li wassal għal qafas strateġiku li se jsaħħaħ l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kif ukoll l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat.
Waqt konferenza tal-aħbarjiet li fiha ngħatat ħarsa lejn dawn ir-riżultati, il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, fakkar li l-Gvern baqa’ għaddej b’investimenti sinifikanti fl-istituzzjonijiet fis-sistema ġudizzjarja, fosthom bil-proġett li ġie ppreżentat illum.
Huwa spjega li dan il-proġett huwa kruċjali sabiex jiġi mqassam aħjar l-operat tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u dak tal-Avukat tal-Istat, bħalma kien għamel il-Gvern fl-elfejn u dsatax.
Il-Ministru Attard iddiskriva l-Pjan Strateġiku u Operattiv bħala wieħed li jippermetti li dawn l-uffiċċji jaqdu dmirijiethom b’mod aktar effettiv, bil-għan li jkompli jissaħħaħ il-proċess ġudizzjarju ta’ pajjiżna.
“Dan il-proġett, li ġie fi tmiemu llum, jikkonferma l-impenn tal-Gvern li nkomplu nsaħħu l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. F’dan ir-rigward qed nitkellmu fuq l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, f’inizjattiva li ttieħdet mill-Gvern Malti bl-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea, tad-DG Reform, kif ukoll tal-World Bank, li sar dan il-proġett, dan l-istudju fid-dettall, iex nassiguraw li nkomplu nsaħħu dawn l-Uffiċċji daqstant importanti fis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna.”
Is-Segretarju Parlmentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, qal li dan l-istudju sar b’investiment ta’ tliet mitt elf ewro mill-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, li huwa programm tal-Unjoni Ewropea li jagħti għodda ta’ riċerka apposta lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex ifasslu u jimplimentaw ir-riformi.
Huwa saħaq fuq l-importanza li s-sistema ġudizzjarja tiġi trasformata anke f’b’mezzi diġitali, sabiex kull ma jmur din tibqa’ waħda effiċjenti u aċċessibbli.
“Parti importanti mill-Pjan tal-Irkupru u Reżiljenza hija li jkollna d-diġitalizzazzjoni bħala parti importanti mir-riforma tas-sistema ġudizzjarja tagħna. Permezz ta’ dan l-istudju qed naraw kif se nagħmlu riorganizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja tagħna biex ikollna ġustizzja aktar effiċjenti u ġustizzja aktar ġusta maċ-ċittadini tagħna.”
Tkellem ukoll Dr Daniele Dotto, mill-Kummissjoni Ewropea, li saħaq dwar l-importanza li l-Avukat tal-Istat u l-Avukat Ġenerali jagħmlu xogħolhom bl-akbar effettività possibbli.