Il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, għamilha ċara li huwa inaċċettabli li jkollok sitwazzjoni fejn ġurnalist jiġi mhedded li jkun se jiġi rrappurtat lill-Gvern, biex il-Gvern jinvestigah.
Huwa għamilha ċara li, apparti minn dan il-fatt, mhux l-irwol tal-Gvern li jinvestiga lil xi ġurnalist.
Il-Ministru Attard kien qed jirreferi għal każ fejn ġie rrappurtat li l-kumpanija Steward Health Care International kitbet lill-Gvern ta’ Malta biex titlob li dan jinvestiga lill-editur u ġurnalist tal-gazzetta MaltaToday, Matthew Vella dwar rapport li l-istess gazzetta ppubblikat dwar l-istruttura li biha titmexxa l-kumpanija.
Il-Ministru tkellem dwar id-diversi miżuri li ħa l-Gvern fl-aħħar snin biex tkompli tissaħħaħ il-protezzjoni tal-ġurnalisti.
“Jiena stess, ftit tax-xhur ilu, ressaqt tliet abbozzi ta’ liġijiet fil-Parlament biex nipproteġi aktar lill-ġurnalisti f’Malta, biex nassiguraw li dawn ikollhom l-ogħla protezzjoni possibbli biex ikunu jistgħu jaqdu l-funzjonijiet tagħhom. L-irwol tal-Gvern m’huwiex li jinvestiga. Irrid ngħid li aħna m’aħniex akkonoxxenza tal-ittra li ssemmiet fid-dritt ta’ risposta li ntbgħatet lil Matthew Vella, però jibqa l fatt li din hija sitwazzjoni, minnha nnifisha, non-starter, li b’xi mod jew ieħor tirrapporta lill-Gvern biex il-Gvern jinvestiga ġurnalist.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard