Fl-ewwel sitt xhur tal-elfejn tnejn u għoxrin, l-investiment dirett barrani f’Malta żdied b’żewġ biljun ewro.
Dan ħareġ minn stħarriġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li juri wkoll li, meta mqabbel mal-istess perjodu ta’ sena ta’ qabel, kien hemm żieda ta’ kważi €430 miljun.
L-NSO qal ukoll li, sa Ġunju tal-2022, l-investiment dirett barrani f’Malta kien jammonta għal €208.6 biljun.
Dan ifisser żieda ta’ €8.3 biljun meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2021.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika spjega li ż-żieda fl-ewwel sitt xhur tal-2022 fl-investiment dirett barrani f’Malta kienet l-aktar marbuta ma’ attivitajiet finanzjarji u ta’ assigurazzjoni, li bejniethom jammontaw għal 97.6 fil-mija mit-total tal-investiment barrani f’Malta.
Intant, matul l-istess perjodu ta’ sitt xhur, l-investiment totali tal-Maltin f’pajjiżi oħra ammonta għal €3.2 biljun.
Ċifri tal-NSO juru li, F’Ġunju li għadda, l-investiment totali li kellhom il-Maltin f’pajjiżi oħra kien jammonta għal €57.8 biljun.
L-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika kompla jirrapporta li kważi 99 fil-mija tal-investiment tal-Maltin f’pajjiżi oħra kien fis-servizzi finanzjarji u fil-qasam tal-assigurazzjoni.