L-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, ħarġet b’għaxart elef ewro pieni lill-partijiet involuti fit-twaqqigħ ta’ binja fuq is-sit fejn kien hemm uffiċċju tal-kumpanija GO f’Birkirkara.
Dan wara li x-xogħol kien qed isir b’mod perikoluż, kif anki jixhdu filmati li nxterdu fuq il-midja soċjali, li juri ammont sostanzjali ta’ ġebel jaqa’ għal fuq it-triq.
Il-pieni ngħataw lill-iżviluppatur tal-proġett, lill-uffiċjal tekniku tas-sit, u lill-kuntrattur li tqabbad biex iwaqqa’ l-binja.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni għall-Iżviluppaturi Maltin, l-MDA, ikkundannat l-imġiba ta’ ftit kuntratturi li juru nuqqas ta’ rispett lejn is-soċjetà bit-traskuraġni tagħhom u b’ċerti azzjonijiet.
L-MDA qalet li, sfortunatament, dawn il-kuntratturi jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tal-industrija tal-kostruzzjoni, u dawn l-attitudnijiet ma jistgħux jibqgħu jiġu ttollerati.
L-istess Assoċjazzjoni wissiet lill-operaturi fl-industrija tal-kostruzzjoni u qalet li se tieħu azzjoni biex tassigura li tali imġiba ma tibqax tiġi ttollerata.