Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela attenda għal laqgħa tal-Ministri Ewropej u Uffiċċjali Għolja f’Stokkolma, organizzata mill-Presidenza Svediża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Jo Etienne Abela kien wieħed mill-kelliema ewlenin waqt diskussjoni dwar waħda mill-isfidi fis-settur tal-anzjanità, dik dwar x’jista’ jsir sabiex jiġu attirati aktar carers bil-ħiliet meħtieġa.
Il-ministru qasam mad-delegati, il-ħidma tal-Gvern Malti fejn spjega li għalkemm hija sfida qed isir evalwazzjoni kontinwa tax-xogħol li qed isir mill-carers sabiex jinżammu l-istandards għolja ta’ kura, filwaqt li l-ħiliet jiġu aġġornati sabiex ikunu jistgħu jilqgħu għall-isfidi futuri.
Il-Ministru Abela semma wkoll l-Istrateġija Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva 2023-2030, li permezz tagħha pajjiżna ser jagħmel investiment sostanzjali mhux biss finanzjarju, tekniku u infrastrutturali imma anke fir-riżorsi umani. Dan se jwassal sabiex il-carers jaraw futur fil-karriera tagħhom u b’hekk jibqgħu jagħtu s-servizz tagħhom f’dan il-qasam.
Huwa kompla jispjega li qed jittieħdu bosta inizjattivi biex aktar nies jersqu lejn din il-professjoni – fosthom permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni fl-iskejjel fejn ħaddiema f’dan il-qasam jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mal-istudenti dwar il-kura fit-tul għall-anzjani. Apparti kampanji ta’ informazzjoni, il-Gvern qed joffri taħriġ u jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol.