Fl-ewwel sena mit-twaqqif tagħha, l-Aġenzija Maltija għall-Ikel tejbet il-prodott li daħal fil-Pitkalija bi 17 fil-mija.
Din l-informazzjoni ħarġet waqt Business Breakfast li ffoka fuq il-pjanijiet tal-Aġenzija Maltja għall-Ikel għas-snin li ġejjin.
L-Aġenzija Maltija għall-Ikel tieħu ħsieb il-proċess ħolistiku tal-prodott lokali, mill-produzzjoni sakemm dan jasal għand il-konsumatur.
Dan il-Business Breakfast ġie indirizzat minn Brian Vella, li huwa l-Kap Eżekuttiv ta’ din l-Aġenzija, u li spjega l-ħidma li saret f’din l-ewwel sena tagħha.
“Rajna titjib fil-valur tal-prodott li daħal fil-Pitkalija bi 17 fil-mija. Hija żieda sinifikanti li, fl-aħħar, qed igawdi minnha l-bidwi Malti. Rajna wkoll ċifra interessanti ta’ żieda fil-bejgħ, ta’ 12% fil-mija, kif ukoll oħra figura interessanti ta’ tnaqqis fl-iskart. Rajna li l-waste naqas b’7 fil-mija.”.
Is-Sur Vella spjega wkoll il-ħidma tal-Aġenzija għas-snin li ġejjin, partikolarment f’dinja aktar moderna u fil-kuntest tad-dominanza tat-teknoloġija f’kull qasam.
“L-Aġenzija qed taħdem biex tagħmel din il-bidla fil-ħsieb, rivoluzzjoni fl-ikel ,kif qed insejħulu llum. Hemm ħafna pjanijiet, fosthom il-bini ta’ pitkalija ġdida, il-bini ta’ suq ġdid tal-bdiewa, u anke tikketta li tidentifika l-ikel Malti li jkun se jinbiegħ f’post turistiku. Naraw ukoll x’opportunitajiet hemm barra minn pajjiżna biex naraw x’opportunitajiet hemm biex jiġu esportati prodotti lokali lejn swieq internazzjonali.”
Quddiem bosta li jaħdmu fil-qasam, il-Ministru Anton Refalo qal li permezz ta’ din l-Aġenzija qed naraw it-twettiq ta’ wegħda oħra mal-bdiewa, ir-raħħala ,u s-sajjieda Maltin, għax permezz tal-Aġenzija, is-setturi li jaħdmu fihom qed ikomplu jissaħħu u jitjiebu.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li din l-Aġenżija hija parti minn viżjoni li se tiżgura s-sigurtà u l-kwalità tal-ikel. Dan inħass b’mod speċjali fi żmien il-pandemija, fejn kien hemm theddida fuq il-provvista tal-ikel.