Ġiet estiża b’miljun ewro l-iskema ta’ assistenza fuq spejjeż addizzjonali relatati max-xiri tal-fjuwil mis-sajjieda.
Din l-iskema hi applikabbli għal sidien ta’ bastimenti liċenzjati bħala sajjieda full-time u huma reġistrati mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura.
Din l-iskema hi mmirata biex tindirizza l-isfidi li bħalissa qed jaffaċċja s-settur tas-sajd minħabba l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-fjuwil. Sajjieda li applikaw għall-ewwel sejħa ta’ din l-iskema se jkunu qed jiġu nnotifikati li l-applikazzjoni tagħhom se tiġi estiża.
B’hekk, is-sajjieda kollha rreġistrati fuq bażi full-time mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn għotja ta’ 64 ċenteżmu fuq kull litru ta’ fjuwil li jinxtara u jintuża fuq il-bastimenti.
Il-Ministru għall-Agrikoltura s-Sajd u Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, qal li l-mira tal-Gvern Malti hija li kontinwament jisma’ u jara x’inhuma l-bżonnijiet tan-nies fi żmien ta’ sfida, u għalhekk din l-iskema se tindirizza dawn id-diffikultajiet billi finanzjarjament jitnaqqsu l-ispejjeż addizzjonali tal-operat tal-bastimenti tas-sajjieda.
“Quddiem il-problemi li għaddejin biehom l-ewropa, għandek il-pandemija, l-gwerra fl-Ukrajna u l-Climate Change, din l-għajnuna hija importanti ħafna għax is-sajjjied mhux biss irrid jeżisti imma irrid jgħix hu u l-familja tiegħu. B’dan il-modd il-Gvern qiegħed jagħti prova oħra kemm għandu qalbu ma sajjieda tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura, u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, saħqet li, għal darb’oħra, il-Gvern se jkun tarka għas-sajjieda Maltin u Għawdxin kollha.
“Din l-għajnuna hija kruċjali għas-sajjieda Maltin u Għawdxin, fejn se nkunu qed ntaffu minn ħafna spejjeż li sajjieda qed ikollhom jaffaċċjaw sabiex ikunu jistgħu jopperaw l-bastimenti tagħhom. Barra minn hekk din l-għajnuna se sservi biex il-prodotti tal-ħut li jaqbdu dawn is-sajjieda ikunu stabbli u b’hekk il-konsumatur jkun jista’ jaċessa ħut li jkun affordabli. ”
Il-perjodu ta’ applikazzjonijiet għas-sajjieda se jkun miftuħ bejn il-15 ta’ Frar u t-3 ta’ Marzu.