Illum ġew ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern żewġ avviżi legali li ser idaħħlu fis-seħħ is-separazzjoni mandatorja tal-iskart.
Dan se jidħol fis-seħħ fl-14 t’April li ġej, fejn is-separazzjoni tal-iskart se ssir mandatorja għal kulħadd, kemm għan-negozji, għaqdiet u entitajiet governattivi, kif ukoll għall-iskart li jinġabar mid-djar.
Dan ifisser li mhux se tkun tista’ tarmi skart organiku fil-borża s-sewda, iżda trid tpoġġih bilfors fil-borża l-bajda.
L-istess jgħodd għall-iskart riċiklabbli, bħall-plastik u karti u materjali oħrajn, li ma jistax jintrema aktar fil-borża s-sewda, iżda irid bilfors jitpoġġa fil-borża l-griża biex ikun jista’ jiġi riċiklat.
Il-ħġieġ ukoll ma jistax jitpoġġa fil-borża s-sewda jew fil-griża, iżda jrid jiġi sseparat għalih u jinġabar kull l-ewwel u t-tielet Ġimgħa tax-xahar, hekk kif diġa fis-seħħ.
Madankollu, sabiex il-pubbliku jidra dawn ir-regolamenti ġodda, fl-ewwel sitt xhur, bejn April u Ottubru ta’ din is-sena, l-awtoritajiet se jiffokaw fuq l-edukazzjoni u l-għarfien ta’ din il-liġi ġdida.
Waqt dan il-perjodu, dawk li jinqabdu jarmu l-iskart fil-borża l-ħażina, ser jingħataw twissija.
Wara dawn is-sitt xhur, minn Ottubru, dawk li jinqabdu jarmu l-iskart fil-borża l-ħażina jistgħu jeħlu multi ta’ €75 għan-negozji u €25 għall-iskart mid-djar u organizzazzjonijiet mhux kummerċjali. Dawn il-multi jirduppjaw għal €150 u €50, rispettivament, jekk tinqabad tarmi l-iskart ħażin b’mod ripetut.
Uffiċjali tal-ERA u ta’ entitajiet oħrajn se jibqgħu jagħmlu spezzjonijiet kontinwi fit-toroq f’kull lokalità sabiex jiġi żgurat li l-boroż tal-iskart jinħarġu barra d-djar fil-ġranet tajbin u li l-iskart jiġi sseparat fil-boroż differenti kif stipulat fir-regolamenti l-ġodda.