Illum jum li fih tara ħafna qlub. Għalhekk għat-tieni sena konsekkutiva f’Jum San Valentino, Il-Fondazzjoni Marigold imbarkat fuq kampanja edukattiva dwar is-saħħa tal-qalb.
Hawn Malta, każijiet ta’ attakk tal-qalb jaffetwaw 2% tal-popolazzjoni. Dan jiżdied għal 10% meta wieħed jaqbeż is-70 sena.
Problemi tal-qalb huma l-iktar raġuni għalfejn nies jiddaħħlu l-isptar.
Il-kampanja ta’ għarfien din is-sena għandha l-għan li teduka lill-pubbliku ġenerali dwar id-differenza bejn attakk tal-qalb u qalb għajjiena. Mr. Robert Xuereb, Kardjologu u membru tal-Bord tal-Fondazzjoni Marigold, enfasizza l-importanza li nieħdu hsieb is-saħħa tal-qalb tagħna kif ukoll inkunu attenti għal sintomi li jistgħu jgħinuna nindunaw fil-ħin propizju u x’nistgħu nagħmlu bhala trattament.
Preżenti għal din l-okkazjoni kien hemm Jennifer Xuereb, Segretarja Eżekkutiv tal-Fondazzjoni, u Dott. Alice May Moore, Cardiology Resident Specialist, li tkellmet aktar fid-dettal fuq is-sintomi ta’ qalb għajjiena u x’ jista’ wieħed jagħmel biex jippreveni l-mard.
Il-Kampanja se ddum sa għada u kulħadd jista’ żżur il-Qalb Ħamra fil-qalba tal-Belt u jitghallem kif jieħu ħsieb lilu nnifsu u kif jipprevjeni mwiet bikrija.
Il-kampanja hija organizzata minn The Marigold Foundation b’kollaborazzjoni mas-Soċjetà Maltija tal-Kardjoloġija u bl-appoġġ tal-Mużew tal-Arkeoloġija.