Hemm bżonn ta’ aktar kordinazzjoni madwar in-Nazzjonijiet Uniti biex jiġu protetti d-drittiijet tat-tfal f’kull sitwazzjoni.
Dan intqal mir-Rapprezentata Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, Vanessa Frazier, waqt l-ewwel attività prinċipali ta’ Malta fil-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Nazzjonijiet Uniti.
Din il-laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà kienet dwar il-protezzjoni tat-tfal li qegħdin jiġġieldu f’kunflitti armati. Dan is-suġġett huwa xprunat mill-messaġġ li qed timbotta ’l quddiem Malta: dak ta’ paċi u sigurtà.
Dwar dan is-suġġett, il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Nazzjonijiet Uniti fl-2018 għadda riżoluzjoni li stabbilixxiet l-importanza tat-tfal mill-prevenzjoni tal-kunflitti bl-armi.
Fid-diskors tagħha f’isem Malta, Vanessa Frazier qalet li għandu jkun hemm aktar monitoraġġ biex isir magħruf aktar minn kmieni xi jwassal għal din il-vjolenza fuq it-tfal.
Frazier saħqet li t-tfal jistgħu jixprunaw iż-żamma tal-paċi, anki permezz tal-edukazzjoni.
“Malta further underscores the importance of equal access to literacy and quality education, which can contribute to conflict prevention and provide children with alternative pathways.”
Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti l-ħmistax-il membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Nazzjonijiet Uniti. Huma laqgħu tajjeb il-fatt li Malta qed tmexxi ’l quddiem dan is-suġġett, li jolqot lil miljuni ta’ tfal madwar id-dinja.
Preżenti kien hemm ukoll ir-Rappreżentant Speċjali għas-Segretarju Ġenerali għat-Tfal u l-Kunflitti Armati, Virginia Gamba, li qalet li l-aħjar soluzzjoni għall-protezzjoni tat-tfal hija li nipprevjenu milli tiġri l-vjolenza.