Imċekken peres li jinsab rikoverat f’sodda magħmula għall-adulti, Aras ta’ ħames snin kien qed jistrieħ fuq dahru jilgħab b’karozza meta żaruh il-ġurnalisti tal-BBC.
Huwa wieħed mill-mirakli li nstabu wara t-terremot fit-Turkija u s-Sirja.
It-timijiet tas-salvataġġ ħelsuh mit-terrapien tad-dar tiegħu fil-belt ta’ Kahramanmaras, li sfat meqruda, 105 siegħa wara t-terremot.
Meta ddaħħal fit-taqsima tal-kura intensiva, kienet qed isofri minn ipotermja u t-temperatura ta’ ġismu niżlet għal 28 grad Celsius.
Għalkemm Aras baqaʼ ħaj, oħtu Hiranur taʼ sebaʼ snin ma kellhiex l-istess xorti. Lanqas ħuh Alp ta’ disa’ snin…u lanqas missieru.
Din hija l-istorja ta’ familja waħda biss, mkissra b’mod irrevokabbli wara dan id-diżastru.
Bilqiegħda ħdejn il-komodina ta’ Aras u b’ġentilezza jmellislu xagħaru, kien hemm in-nannu tiegħu Mehmet.
“Huwa tifel onest. Għandu personalità b’saħħitha. Huwa sinċier u mhux tifel imfissed.”
Għalkemm issa għandu 72, Mehmet stqarr mal-BBC li se jqatta’ l-bqija tal-jiem tiegħu jieħu ħsieb lil Aras bħallikieku kien ibnu stess.
“Il-membri tas-salvataġġ għamlu biċċa xogħol tajba ħafna biex salvawh,” qal Mehmet, “u għall-grazzja ta’ Alla, tawh lura lilna ħaj”.
Aras deher jitgħawweġ ftit bl-uġigħ hekk kif it-tabib bidel il-faxxa ta’ siequ ix-xellugija minfuħa. B’xorti tajba, qed jirkupra tajjeb. Il-mamà ta’ Aras għadha ħajja – iżda għadu ma rahiex minn meta d-dinja tagħhom inbidlet għal dejjem. Hija qed tiġi kkurata fi sptar ieħor fil-belt iżda mistennija tirkupra.
Sa issa, dawk mejta aktarx li jlaħħqu l-33,000, iżda dan in-numru mistenni jirdoppja fil-jiem li ġejjin.
Ritratt: BBC