Investigazzjonijiet interni tal-Pulizija dwar żewġ ilmenti li għamel Christian Borg fil-konfront ta’ kuntistabbli ma sabu l-ebda għemil ħażin mill-uffiċjali.
Dan ħareġ meta komplew il-proċeduri kriminali kontra Borg, li fost l-oħrajn qed jiġi akkużat li saq vettura mingħajr liċenzja jew polza tal-assigurazzjoni, u li hedded uffiċjal pubbliku.
Il-każ seħħ f’Ġunju 2018, meta Borg twaqqaf minn Pulizija tal-RIU fuq suspett li ma kellux liċenzja tas-sewqan.
Borg bħalissa jinsab fuq libertà proviżorja minħabba proċeduri separati, li fihom hu u ħames persuni oħra huma akkużati li ħatfu u heddu raġel li allegatament kien seraqilhom vann.
Wara li xehdet supredetendent dwar l-ilmenti msemmija, l-avukat difensur talab lill-Qorti tordna kopja tal-filmati li fihom jidher dan l-episodju.