Il-Gvern ħabbar it-tnedija tal-fond ta’ koeżjoni b’allokazjoni ta’ €194 miljun f’fondi Ewropej bil-għan li jitwettaq investiment fl-ambjent, inkluż fl-oqsma relatati mal-iżvilupp sostenibbli u l-enerġija.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, li fiha ġie spjegat li dan se jkun immirat lejn il-promozzjoni ta’ mobilità urbana aktar sostenibbli u t-tranzizzjoni lejn ekonomija mingħajr karbonju.
Fil-fatt, permezz ta’ dan il-fond, se jitwettqu investimenti infrastrutturali fin-netwerk tat-toroq u l-portijiet tagħna, magħrufa bħala TEN-T, fit-tranzizzjoni għall-ekonomija aktar ċirkulari, u fl-aċċess u l-immaniġġjar sostenibbli tal-ilma.
Fl-indirizz tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett ħabbar li minn dawn il-fondi se jiġu investiti €7 miljunibil-għan li jitkompla l-investiment ta’ charging points għal vetturi elettriċi u infrastruttura relatata madwar Malta u Għawdex. Dan l-investiment se jkun konformi ma’ pjan komprensiv relatat mat-tranżizzjoni lejn id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport.
Dan l-investiment huwa konformi mal-Inizjattiva tal-Karozzi Ekoloġiċi, bħala parti mill-Pjan ta’ Rkupru u Reziljenza li jfittex li jtejjeb l-iżvilupp ta’ forom ġodda u sostenibbli ta’ trasport fit-triq bl-introduzzjoni ta’ fjuwils alternattivi, fosthom ukoll l-użu ta’ vetturi nodfa.
Għaldaqstant, se tinħareġ sejħa ristretta għall-applikazzjonijiet għall-Ministeri rilevanti li huma responsabbli għas-Setturi tat-Trasport u l-Enerġija biex jimplimentaw l-interventi rispettivi proposti.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li l-Fond ta’ Koeżjoni huwa strumentali għal pajjiżna biex ikompli jwettaq investimenti aktar sostenibbli.
“Dan il-fond huwa importanti iktar għal dawk l-awtoritajiet ta’ pajjiżna, speċjalment dawk li huma involuti fit-trasport u l-enerġija, biex jagħmlu proġetti b’fondi Ewropej immirati proprju biex itejbu l-infrastruttura ta’ pajjiżna, din id-darba b’ħarsa iktar sostenibbli, ħarsa iktar ambjentali.”