Fil-Knisja Arċipretali ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi qed tingħata l-aħħar tislima lil Lukarda Abela, omm il-President Emeritu George Abela u n-nanna tal-Prim Ministru Robert Abela.
Preżenti għaċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja hemm l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, mart il-President ta’ Malta, is-Sinjura Miriam Vella, numru ta’ deputati, qraba u ħbieb.
Fuq il-midja soċjali meta ġiet nieqsa Abela, il-Prim Ministru kien kiteb: “Se nimmisjawk nann. Grazzi ta’ kemm ħabbejtna.”
Fl-omelija, is-saċerdot ddeskriva lil-Lukarda bħala mara sempliċi, mara tal-familja u mara ta’ ħafna fidi.
Is-saċerdot qal kif għall-familja Lukarda kienet tagħmel kollox fejn anke waqt ħin l-ikel, kienet tipprovdi platt ikel lil kulħadd u qabel tara li kulħadd kien qed jiekol, ma kinitx tagħmel għaliha.
Il-pro neputija Giorgia Mae, f’kelmtejn li għamlet biex tfakkar il-memorja ta’ bużnannitha, irrakkontat uħud mill-istejjer li għandha għall-qalbha. Fakkret dwar kif bużnannitha kienet dejjem tgħidilha minfejn oriġina isimha, hekk kif semmewha għal nannuha. Spjegat ukoll kif kienet titpaxxa tisma’ l-istejjer li kienet tgħidilha fosthom dwar il-gwerra.