Kellu jkun goal minn penalty kmieni fil-partita eżattament wara seba’ minuti permezz tal-iskorer prolifiku Brażiljan Maxuell Maia li ta’ tliet punti prezzjużi lil Gzira United hekk kif huma kisbu rebħa minima ta’ 1-0 fuq Sirens.
Kienu Gzira li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss żewġ minuti, daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Jefferson De Assis ġiet salvata f’darbtejn minn Matthew Grech. Huma komplew fuq l-offensiva u erba’ minuti wara rebħu penalty meta l-goalkeeper ta’ Sirens Matthew Grech waqqa’ lil Jefferson De Assis fil-kaxxa. Mill-11-il metru nkarigu ruħu Maxuell Maia li permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Fit-43 minuta, wara li rċieva minn korner ta’ Steve Pisani, Luke Tabone, kellu daqqa ta’ ras mill-viċin li ġiet salvata mingħajr wisq diffikultá minn Matthew Grech.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Maroons komplew fejn ħallew fl-ewwel waħda u fil-50 minuta, xutt minn barra l-kaxxa ta’ Maxuell Maia ġie mdawwar f’korner bi bravura minn Matthew Grech.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Maroons u ħames minuti wara Maxuell Maia kellu x-xutt tiegħu minn pożizzjoni ideali salvat b’diffikultá minn Matthew Grech.
Gzira komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita biex rebħu 1 – 0.
Refereee: Emanuel Grech
Plejer tal-Logħba: Maxuell Maia (Gżira)