Meta qed jitlaqqa’ l-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista l-arja fil-laqgħat qed tkun waħda tqila ħafna.
Fost il-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista teżisti nuqqas ta’ fiduċja kbira fejn fazzjoni mhux tafda lill-oħra. U issa hemm iktar minn żewġ fazzjonijiet, anke jekk fuq it-televiżjoni s-Segretarju Ġenerali, Michael Piccinino mar jgħid li hemm l-għaqda.
Dak magħruf bħala l-‘establishment’ qed jibqa’ jimmanuvra biex iżomm il-kontroll tal-Partit Nazzjonalista u l-pressjoni qed tibqa’ fuq Bernard Grech biex joffri ‘leadership’.
Dwar dan sorsi fil-Partit Nazzjonalista tkellmu mat-Times of Malta, li qalet li fil-Partit Nazzjonalista għaddejja diskussjoni dwar il-ġejjieni ta’ Bernard Grech fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista.
Minn dak irrapportat jidher li hemm manuvri biex tkun konvinta tieħu l-kariga l-MEP Roberta Metsola. Iżda din qed tħalli lil kulħadd fil-għama biex qabel xejn tgħamel il-kalkoli personali tagħha. Fl-imgħoddi Bernard Grech mhux darba tefa’ battuti ċari għall-fatt li min kellu jisfidah missu għamel dan f’Mejju ta’ wara l-elezzjoni ġenerali, meta tellaq għall-Kap waħdu.
Jirriżulta li interessati wkoll li jikkontestaw it-tmexxija, anke jekk qalu li mhux f’dan il-mument hemm Mark Anthony Sammut, Alex Borg u Darren Carabott.
Mat-Times of Malta kollha ma ċaħdux li huma interessati.
Sammut hu favorit tal-establishment flimkien ma’ Metsola. Dan għax kien parti minnhom fl-attakk kontra Delia u għax iħaddan il-politika li jħobbu huma fejn ikun kontra dak kollu l jagħmel il-gvern u lest jattakka personali.
Jinżlilhom ukoll Darren Carabott minħabba r-rabtiet mal-klikka ta’ Austin Gatt u ċertu xebh fl-attitudni anke jekk għadu jibda.
Alex Borg minn naħa l-oħra huwa l-favorit ta’ Adrian Delia u l-fazzjoni tiegħu.
L-informazzjoni li One News qed tassallu mid-Dar Ċentrali turi li llum hemm iktar minn żewġ fazzjonijiet. Hemm il-grupp tal-blue heroes li miegħu isib alleati bħal Repubblika anke fid-dawl tal-parentela bejn id-deputat Karol Aquilina u ħuh Robert Aquilina, president tal-istess għaqda tal-establishment. Hemm il-grupp ta’ Adrian Delia. Imbagħad hemm dawk li huma obbligati lejn Bernard Grech, iżda fiċ-ċirkostanzi qed iħossuhom kemxejn mifxula.
Li hu żgur hu li l-qasma fil-Partit Nazzjonalista qed tiżdied u mhux tonqos u anke jekk is-sorsi li tkellmu mat-Times of Malta provaw jagħtu x’jifhem li jista’ jkun hemm qbil fuq it-triq ‘il quddiem jidher ċar li din parti minn mossa biex jimbottaw iż-żwiemel tagħhom.
Is-sorsi tagħna jgħidu wkoll li l-laqgħat tal-grupp parlamentari huma sinjal ċar ta’ sfiduċja bejn il-fazzjonijiet f’xulxin.