Għall-ħamest ijiem tal-Karnival, jiġifieri mill-Ġimgħa 17 ta’ Frar sat-Tlieta 21 ta’ Frar, il-gżira Għawdxija mistennija tara influss kbir ta’ Maltin u turisti.
F’intervista telefonika ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, Joe Muscat żvela magħna s-sentiment turistiku għal dawn il-ġranet, ikkaratterizzati mir-renju tal-bluha, fil-gżira tat-tliet għoljiet.
Qal, “L-operaturi fl-akkomodazzjoni qed jirrappurtaw li għandhom domanda tajba għall-weekend tal-Karnival, u minkejja li figuri uffiċjali m’għandniex jidher li l-akkomodazzjoni f’Għawdex hija prattikament kollha meħuda u allura qed nantiċipaw li jekk it-temp jippermetti jkollna numru sabiħ ta’ viżitaturi mill-gżira Maltija.”
Joe Muscat qal kif il-Maltin u t-turisti li għandhom post f’Għawdex mhux għal użu kummerċjali, u mhumiex residenti permanenti f’din il-gżira, ukoll mistennija jaqsmu l-fliegu u jimlew dawn il-postijiet t’akkomodazzjoni. Din il-faxxa ta’ turiżmu imbagħad tikkontribwixxi bil-qawwi lejn ir-ristoranti u l-ħwienet f’Għawdex.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija nnota wkoll kif illum il-ġurnata, il-Karnival beda jħaqqaqha sew mal-weekends li tradizzjonalment fihom jaqsmu l-eluf tat-turisti lejn Għawdex, fosthom dak ta’ Santa Marija.
Qal, “Il-perjodu tal-Karnival sar wieħed mill-aktar weekends importanti li għandna fil-kalendarju turistiku fil-gżira Għawdxija. Dan bażikament għaliex qabel kellna l-weekend ta’ Santa Marija u l-weekend tal-Għid, illum għandna wkoll il-weekend tal-Karnival illi fih naraw influss qawwi ta’ Maltin. Ovvjament hemm ukoll diversi trends f’dan il-weekend fis-sens illi qabel konna naraw li ż-żgħażagħ kienu jippreferu li jiġu madwar il-ġimgħa tal-Ġimgħa Mqaddsa, però fl-aħħar snin rajna li t-trend inbidel u l-element żagħżugħ intefa’ fil-weekend tal-Karnival.”
Il-karnival f’Għawdex illum ġie sinonimu mal-Karnival spontanju fin-Nadur, fejn wara nuqqas ta’ sentejn dan l-avveniment mistenni jerġa’ jattira lejh eluf ta’ nies lebsin kull tip ta’ kostumi u maskri, inkluż dwar temi kontemporanji.
Apparti dan, fir-Rabat u f’kull lokalità Għawdxija f’dawn il-jiem, se jkun hemm bosta attivitajiet oħra bl-involviment ta’ bosta kumpaniji taż-żfin kemm taż-żgħar u anke tal-kbar, karrijiet trijonfali, baned, maskri grotteski u ħafna aktar.