Fl-uniku partita tas-Sibt wara nofsinhar fl-Stadium Nazzjonali, Hamrun rebħu 1 – 0 kontra Valletta biex komplew jikkonsolidaw posthom f’ras il-klassifika. L-Spartans skorjaw gowl wieħed bit-tim Belti jikber fil-logħob tiegħu fit-tieni taqsima madanakollu ma’ jirnexxilux tal-anqas jieħu punt mill-partita.
Hamrun iddominaw l-ewwel taqsima bl-ewwel azzjoni tasal fil-11-il minuta meta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Jonny gie salvat tajjeb mill-GK Belti Formosa. Minuta wara kien Mbong li xxuttja mill-qrib imma Formosa għal darb’oħra nterċetta tajjeb.
Fis-17-il minuta kienet il-lasta l-wieqfa li ċaħdet lil Guillaumier milli jiftaħ l-iskor għall-Ispartans.
Iżda żewg minuti biss wara, fid-19-il minuta, wasal il-goal tal-vantaġġ għall-Hamruniżi hekk kif Jonny approfitta minn inċertezza fid-difiża Beltija u qassam lil Elvis Mashike li b’xutt imkaxkar għeleb lil Formosa.
Fis-26 minuta azzjoni oħra Hamruniża ntemmet b’xutt minn qagħda ċentrali ta’ Guillaumier li ġie salvat minn Formosa.
Wara li sofrew il-gowl, Valletta ppruvaw joħorġu aktar mill-qoxra difensiva tagħhom u fit-38 minuta minn korner mogħti minn Dimech, Enzo Ruiz ittanta xortiħ b’daqqa ta’ ras li pero’ ftit li xejn inkwetat lill-gowler Hamruniż Bonello.
Fit-43 minuta Mbong dendel ballun li għadda tul il-lasta imma n-naħa l-oħra Elvis Mashike tefa’ barra.
It-tieni taqsima bdiet bl-Ispartans mill-ġdid fuq l-attakk u fit-48 minuta minn korner ta’ Guillaumier, Prsa bir-ras ra l-ballun jinżel fuq is-saqaf tax-xibka.
Fil-55 minuta l-gowler Belti Formosa ma żammx tajjeb kross ta’ Camenzuli iżda mblokka t-tentattiv mir-rebound ta’ Prsa biex l-azzjoni sfumat.
Fit-63 minuta Formosa salva f’żewg tentattivi freekick ta’ Bjelicic, waqt li n-naħa l-oħra fis-67 minuta minn korner ta’ Soares, Ruiz bir-ras xeħet ftit barra.
Fis-77 minuta azzjoni korali bejn diversi plejers Beltin spiċċat bil-konklużjoni ta’ Dimech tgħaddi ftit barra.
Fit-83 minuta Guillaumier żmarka lil Dodo imma dan naqas li japprofitta u l-azzjoni sfumat.
Refereee: Glenn Tonna
Player tal-Loghba: Matthew Guillaumier (Hamrun S.)