Birkirkara kkonviċnew bis-sħiħ u għelbu lil Gudja United bl-iskor ta’ 3-1 fl-uniku logħba tas-Sibt wara nofsinhar fit-Tony Bezzina Stadium.
Birkirkara fetħu l-iskor proprju fl-ewwel periklu fl-14-il minuta meta Denis Ribeiro xeħet kross mix-xellug bil-goalkeeper ta’ Gudja Glenn Zammit jimblokka parzjalment, biex mir-rebound Osvaldo Iorio permezz ta’ xutt minn barra l-kaxxa ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper ta’ Gudja, Glenn Zammit, bil-ballun jintemm fir-rokna tax-xibka.
L-Istripes komplew fuq l-offensiva u fl-40 minuta l-istess Iorio minn pożizzjoni ideali kellu x-xutt tiegħu li ntemm ftit barra.
Dan kien il-preludju għat-tieni gowl tagħhom żewġ minuti biss wara meta Enzo Daniel Cabrera b’daqqa ta’ ras mill-viċin tefa’ ġewwa.
L-Istripes ma kinux kuntenti b’dan l-iskor hekk fil-ftuħ tat-tieni taqsima ħarġu ferm aggressivi u fis-47 minuta skorjaw it-tielet goal, meta l-ballun wasal għand Osvaldo Iorio li minn taħt il-lasta tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka biex b’hekk irreġistra doppjetta personali.
Gudja United naqqsu l-marġni tal-iskor fit-82 minuta meta wara li approfitta minn indeċiżjoni fid-difiża ta’ Birkirkara, Tatsuro Nagamatsu, mill-viċin tefa’ ġewwa.
Referee: Philip Farrugia
Plejer tal-Logħba: Osvaldo Iorio (Birkirkara)