Illum, qed jitfakkar il-Jum Ewropew għan-numru tal-Emerġenza 112. F’pajjiżna din il-linja tgħaqqad l-entitajiet kollha li huma l-ewwel linja ta’ rispons għal kull periklu. Fost dawn l-entitajiet, din il-linja tgħaqqad is-servizzi kollha tal-emerġenza, fosthom s-servizz tal-Ambulanza, Pulizija, Protezzjoni Ċivili u Forzi Armati.
Matul is-sena 2022, daħlu 290,771 telefonata fuq il-linja 112, li 70% minnhom ma kienux destinati għall-istess linja, għax ma kienux telefonati ta’ emerġenza. Kienu 88,544 telefonata li kienu validi għaliex kienu telefonati ta’ ħajja jew mewt.
Kwazi 80% tat-telefonati validi kienu destinati għas-servizzi ta’ emerġenza tal-ambulanza fejn b’kollox daħlu 69,417-il telefonata. Ftit aktar minn 9% tat-telefonati validi kienu destinati għall-Korp tal-Pulizija, ftit aktar minn 12% kienu telefonati għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, filwaqt li kienu 171 telefonata li kienu destinati għal Forzi Armati ta’ Malta. It-telefonati kollha li daħlu fuq il-linja 112 twieġbu fi tliet sekondi. Fil-fatt fl-aħħar snin saret ħidma sabiex il-ħin ta’ stennija dejjem jonqos. L-akbar ammont ta’ telefonati fuq din il-linja, daħlu minn telefons ċellulari bit-total ikun ta’ 257,147.
B’reazzjoni għal dawn iċ-ċifri, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, saħaq dwar l-importanza ta’ din il-linja u li għandha tintuża b’mod responsabbli, dan hekk kif telefonata li ma tkunx ta’ natura ta’ ħajja jew mewt, tista’ tostakola telefonati oħra aktar urġenti.
“Fl-aħħar snin ħdimna sabiex il-ħin ta’ stennija dejjem jonqos, u nista’ ngħid li dan issa naqas għal tliet sekondi. L-appell tiegħi jibqa’ sabiex kull minn jagħzel li jċempel fuq din il-linja jevalwa s-sitwazzjoni u juża din il-linja biss, jekk is-sitwazzjoni tkun waħda urġenti jew ta’ ħajja jew mewt,” temm jgħid il-Ministru Camilleri, filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema tas-servizzi kollha tal-emerġenza.