Ġie ffirmat ftehim ta’ żewġ miljun ewro bejn l-Aġenzija Maltija tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni – il-MITA – u Esri, kumpanija multinazzjonali Amerikana li tipproduċi softwer għas-sistemi ta’ informazzjoni ġeografika.
Sistema ta’ informazzjoni ġeografika hija sistema li toħloq, timmaniġġja, tanalizza, u torganizza kul tip ta’ dejta. Dan jipprovdi l-bażi għal organizzazzjoni u analiżi li jkunu utli f’kull qasam, bil-benefiċċji jkunu komunikazzjoni aħjar, aktar effiċjenza, kif ukoll titjib fis-sistemi tal-maniġment u tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
Il-ftehim, li l-MITA ffirmat uf’isem il-Gvern Malti, hu mifrux fuq tliet snin u se jipprovdi software tal-Esri, servizzi professjonali, u appoġġ tekniku lil tlieta u għoxrin entità, inklużi Ministeri u aġenziji fi ħdan il-gvern Malti.
Permezz tal-ftehim, il-Gvern u l-entitajiet li se jużaw din is-sistema se jkunu jistgħu jesploraw il-potenzjal sħiħ tad-dejta, biex itejbu r-riżultati operattivi u kummerċjali.
Il-fatt li d-dipartimenti u l-entitajiet tas-servizz pubbliku kollha jinġiebu fi ftehim komuni se jiffaċilità l-kondiviżjoni tad-dejta, it-teħid ta’ deċiżjonijiet bejn diversi aġenziji, u l-involviment tal-komunità.
B’dan l-għarfien u l-għodda ġeografiċi komprensivi, Malta tkun tista’ tipprovdi b’mod effettiv servizzi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-komunità, filwaqt li żżid l-opportunitajiet ta’ tkabbir għan-negozji u l-individwi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MITA qal li, “Il-vantaġġ ta’ dan l-agreement li kull entita jew dipartiment jimmaniġja ir-riżorsi tiegħu allura jistgħu jiġu flimkien u bħala stampa waħda tiġi mmeniġjata aħjar. GRS software huwa għodda li jagħti faċilita lil entitajiet u dipartimenti differenti, jistgħu jieħdu ħsieb ir-riżorsi tagħhom bħal m’ huma stations jew inkella pipe work li għaddej mit-toroq jew inkella bins, per eżempju, kulħadd jieħu ħsieb il-layer tiegħu, pero mbagħad jistgħu jiġu flimkien biex meta jkunu qed isiru ċertu xogħlijiet, ikunu qed jikkunsidraw l-aspetti diversi.”