Il-Gvern se jkompli jsaħħaħ l-industrija tal-gaming u setturi oħra bħall-Esports u l-Video Game development, tant li fil-ġejjien se jħabbar numru ta’ inċentivi ġodda.
Qal dan il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri waqt li kien qed iżur diversi stands ta’ esponenti ewlenin tal-industrija tal-gaming f’Malta fl-expo internazzjonali annwali ICE London.
Il-Ministru Schembri qal li dan is-settur f’pajjiżna qed kull ma jmur dejjem jifjorixxi. Dan anki wara l-fatt li l-Awtorità Maltija għal-Logħob, l-MGA, irrappurtat tkabbir ta’ 8%, li tkopri żieda fil-kumpaniji tal-gaming li joperaw minn Malta. Fil-fatt, din l-industrija f’pajjiżna b’mod dirett tħaddem madwar 11,000 ħaddiem, u t-talenti f’din l-industrija huma dejjem imfittxija.
Il-Ministru Schembri, li kien akkumpanjat minn rappreżentanti ta’ Gaming Malta u l-Awtorità Maltija għal-Logħob, saħaq li bħala Gvern, huwa importanti li jibqa jaħdem biex pajjiżna jibqa’ ġurisdizzjoni attraenti, biex b’hekk jibqa’ jservi bħala ekosistema b’saħħitha f’dan is-settur u b’hekk tkun mgħejjuna l-ekonomija.
Schembri qal li l-parteċipazzjoni ta’ kumpaniji Maltin f’din l-expo ta’ fama internazzjonali, hija bżonnjuża ferm biex ikompli jasal il-messaġġ li Malta toffri eċċellenza fejn tidħol l-industrija tal-gaming.
Meta kien qed jirreferi għall-Awtorità Maltija għal-Logħob, il-Ministru Silvio Schembri, qal li Malta għanda regulatur b’reputazzjoni tajba f’dan is-settur, b’qafas regolatorju b’saħħtu li jipproteġi kemm lill-operaturi u anke l-konsumaturi.