Il-Gvern Malti ħabbar li se jkun qed jibgħat għajnuna finanzjarja sabiex jgħin lill-eluf ta’ familji li tilfu djarhom.
Id-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet Globali, l-Iżvilupp Internazzjonali u Affarijiet Ekonomiċi fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Neville Aquilina, qal li l-Gvern qed jgħin lill-eluf kbar ta’ familji milqutin mit-terremot billi, b’mod immedjat, se jkun qed jibgħat għajnuna finanzjarja.
Id-Direttur Ġenerali spjega li “Qed nibagħtu ammont ta’ flus lit-Turkija u l-istess ammont ta’ flus ukoll lis-Sirja.”
Id-Direttur Ġenerali Neville Aquilina osserva wkoll li Malta kienet wieħed mill-ewwel pajjiżi li ħa l-inizjattiva li jibgħat l-għajnuna mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li membri tiegħu bi ħġarhom marru jgħinu lil dawn il-familji li għaddejjin minn tant tbatija.
Huwa żied jgħid li, “Aħna konna fost l-ewwel mill-pajjiżi li bgħatna Urban Search & Rescue team – bagħtuh is-CPD, dan qiegħed on the ground ,u qed jopera.”
Neville Aquilina qal li, minkejja ċerti diffikultajiet minħabba s-sitwazzjoni tas-Sirja, il-gvern Malti se jagħmel minn kollox biex jgħin lill-familji Sirjani fil-bżonn, u se ssir laqgħa biex jiġi ppjant kif l-affarijiet jaslu għand il-familji Sirjani li verament għandhom bżonnhom.
Is-Sur Aquilina spjega li, “bħala ministeru se norganizzaw, il-ġimgħa d-dieħla, laqgħa għal kull min hu interessat li se jibgħat oġġetti biex, ovvjament ,dak li jkun jagħmel il-homework tiegħu sew u l-għajnuna tasal għand min vera għandu bżonn”
Id-Direttur Ġenerali Aquilina rringrazzja lill-poplu Malti tal-ġenerożità tiegħu ,hekk kif eluf ta’ familji Maltin qed jagħtu l-għajnuna minn qalbhom għal dawn il-persuni fil-bżonn.