Il-maltempata Helios li ħakmet lil gżejjer Maltin bejn l-Erbgħa filgħaxija u l-Ġimgħa ħalliet warajha ħsarat madwar il-pajjiż.
Dan wara li bibien is-sema nfetħu l-Erbgħa u baqgħu jolqtu lill-pajjiżna saħansitra sas-sigħat bikrin tal-Ġimgħa filgħodu. Dan flimkien anke ma’ riħ qawwi ħafna mil-Lvant għall-Grieg Lvant li f’waqtiet minnhom laħaq il-qawwa ta’ riefnu fl-inħawi fejn jaqbel l-iktar.
Il-maltempata Helios bdiet tolqot lil ġżejjer Maltin tard l-Erbgħa filgħaxija hekk kif dipressjoni li kienet tinsab fuq l-Alġerija bdiet taqsam lejn il-Libja u timxi lejn iċ-ċentru tal-Mediterran.
Fil-fatt, l-Uffiċċju Meteoroloġiku, innota kif il-jum tal-Ħamis kien l-aktar wieħed li fih għamlet xita fl-istorja ta’ pajjiżna. Tul il-jum għamlu aktar minn 140 millimetru ta’ xita. Ir-rekord ta’ qabel kien propju ta’ kważi mija erbgħa u għoxrin millimetru u ġie stabbilit fid-19 ta’ Frar tal-1938.
F’Jum San Pawl, il-ġurnata kienet ikkaraterizzata l-aktar minn riħ qawwi, fejn riħ min-Nofsinhar ix-Xlokk laqat b’qawwa lill-Gżejjer Maltin.
Fil-fatt, il-maltemp ħalla wkoll diversi ħsarat warajh.
Fost oħrajn, ċediet art fiż-żona ta’ Bighi fuq in-naħa tal-bajja ta’ Rinella. Din iż-żona taqa’ taħt ir-responsabilità ta’ Heritage Malta.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit spjega li tim ta’ esperti ġew imqabbda biex jeżaminaw x’ġara u biex tiġi diskussa t-triq ‘il quddiem.
Blata kbira tqaċċtet ukoll minn mal-irdum u spiċċat fuq struttura li tinsab f’Popeye Village fil-Mellieħa. Fortunatament, ħadd ma kien involut jew milqut f’dan l-inċident.
F’Għajn Tuffieħa, wieħed mit-torrijiet ta’ Lascaris tas-Seklu 17 kellu xi ħsarat wara li ċediet biċċa minnu.
Il-Gozo Channel ħareġ avviż ukoll li s-servizz tal-vapur bejn Malta u Għawdex jaf jesperjenza xi dewmien u aktar minn hekk hemm possibiltà li xi vjaġġi jiġu kkanċellati.
Kawża tal-maltemp, ħajt li jmiss mad-daħla tad-ditch taċ-Ċittadella iġġarraf. Id-direttorat tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex avża li fil-jiem li ġejjin dan id-ditch se jkun magħluq għall-pubbliku.
Intant, matul il-jum tal-Ġimgħa, il-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni ħadu ħsieb sabiex isewwu l-ħsarat li saru u jneħħu l-ħmieġ li nġabar.
B’ħidma kkordinata mid-Direttur Ġenerali Ramon Deguara, bdew ix-xogħol ta’ tindif biex b’hekk il-lokalitajiet jerġgħu jiġu lura għan-normal.
Huwa spjega li, “Il-kosta li qeda fuq in-naħa tal-Lvant tal-Grigal sofriet danni kbar, nibdew mill-Għadira, x-Xemxija, neżlin lejn Triq il-Kosta, San Ġiljan, Tas-Sliema, Marsaskala fejn ittella’ ammont kbir ta’ materjal illi anki minn kmieni dalgħodu stess bdejna nneħħu dan il-materjal kollu mit-toroq sabiex nerġgħu nġibu s-sitwazzjoni lura għan-normal u t-toroq jerġgħu jinfetħu lura għall-pubbliku sabiex ikunu jistgħu jintużaw.”
Is-Sur Deguara appella biex wieħed jiddisponi mill-iskart b’mod responsabbli għax f’sitwazzjonijiet bħal tal-bieraħ, skart mormi ħażin iħalli r-riperkussjonijiet.
Intant, kawża tal-maltemp, numru ta’ żoni u lokalitajiet f’Malta u Għawdex kellhom qtugħ fil-provvista tad-dawl.
Il-korporazzjoni Enemalta spjegat li l-qtugħ ta’ dawl huwa riżultat ta’ ħsarat fl-interconnector bejn Malta u Sqallija.
Il-qtugħ seħħ f’nofsinhar neqsin għoxrin minuta.
Sa nofs siegħa wara dan il-qtugħ, il-provvista tal-elettriku bdiet titreġġa’ lura lill-klijenti, tant li sas-siegħa ta’ wara nofsinħar madwar 75% tal-klijenti kienu ngħataw lura s-servizz.
Il-provvista rritornat lura għan-normal ftit ħin wara.