Il-kalendarju tal-atletika Maltija jilħaq l-ewwel qofol tal-istaġun nhar is-Sibt bil-Kampjonat Nazzjonali jipprovdi opportunità biex l-atleti jagħtu direzzjoni tajba lill-istaġun tagħhom u possibbilment jikkwalifikaw għall-avvenimenti internazzjonali skedati fix-xhur li ġejjin. Huma se jkunu qed jikkompetu fl-Istadium tal-Atletika Matthew Micallef St John fil-Marsa wara li dan ġie rinnovat u inawgurat mill-ġdid il-ġimgħa li għaddiet.
Ħinijiet veloċi huma mistennija fuq it-trakka b’numru ta’ tlielaq eċitanti skedati s-Sibt. Is-60m għandha tipprovdi emozjonijiet mill-aqwa hekk kif bħalissa xejn inqas minn seba’ atleti qed jiġru d-distanza f’inqas minn 7.10 sekondi. Fost it-tfajliet, dwell interessanti bejn Carla Scicluna u Claire Azzopardi.
It-300m għandha wkoll tkun tellieqa mill-aktar kumbattuta b’ Steve Camilleri, Graham Pellegrini u Krestien Micallef fost l-isfidanti rġiel. Filwaqt li Janet Richard hija l-favorita fost it-tfajliet, mistennija taqtigħa bejn Martha Spiteri u Kay Testa għall-post fit-tim Malti tal 4x400m għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
Test importanti għal Christian Chetcuti fuq s-600m f’tellieqa bejn 11-il atleta f’kategoriji ta’ etajiet differenti. L-itwal tellieqa se tkun ta’ 3000 metru, b’seba’ atleti fosthom Dillon Cassar kollha jfittxu ħinijiet tajbin u possibilment rekords fil-kategoriji rispettivi.
Għad-dilettanti tal-qbiż, l-attenzjoni mistennija tkun fuq it-triple jump, fejn se naraw dwell doppju. Fil-kompetizzjoni tal-irġiel, sfida bejn Ian Paul Grech u James Armani filwaqt li Claire Azzopardi u Rebecca Sare’ fl-aħħar se jikkompetu kontra xulxin fl-istess avveniment. Dan wara li aktar kmieni din is-sena, Azzopardi kisret ir-rekord nazzjonali ta’ Sare’ waqt kompetizzjoni f’Londra, biex imbgħad ftit jiem biss wara f’Ancona l-istess Sare’ ħadet ir-rekord lura f’idejha b’qabża ta’ 12.62m.
Sfida oħra mistennija hija dik fid-discus b’Luke Farrugia u Bradley Mifsud ifittxu l-ewwel unur staġjonali f’din id-dixxiplina.
Intant, din il-ġimgħa fissret prestazzjoni oħra mill-aqwa minn atleta Maltija barra l-pajjiż, din id-darba Charlotte Wingfield li għaddiet żewġ rawnds għal finali tal-Kampjonati Skoċċiżi Indoor, fejn spiċċat ir-raba’ fil-200metru. B’ħin ta’ 24.03s fis-semi finali hija kissret record nazzjonali tal-200m indoor li kien ilu jirreżisti għal sitt snin. Tliet atleti oħra se jxejru l-bandiera Maltija barra mill-pajjiż fi tmiem il-ġimgħa. Mireya Cassar (Pembroke AC) se tiftaħ l-istaġun tagħha tat-tfigħ fil-Ġermanja s-Sibt filwaqt li Gabriel Farrugia(Evolve) u Joelle Cortis se jikkompetu fil‘MonacoRun’, tellieqa ta’ 5k rikonoxxuta uffiċjalment minn World Athletics.