Tela’ għal kważi 20,000 in-numru tal-vittmi li nstabu mejta qalb it-tifrik li ħallew it-terremoti fit-Turkija u s-Sirja.
Dan filwaqt li eluf ta’ persuni oħra għadhom ma nstabux.
Dawk li salvaw kellhom iqattgħu l-lejl mingħajr saqaf fuq rashom u f’kesħa qalila. Fil-fatt, l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa, il-WHO, qalet kif mingħajr kenn, ilma, u elettriku, dawk li salvaw huma f’riskju li xorta jitilfu ħajjithom.
Fi stqarrija l-WHO saħqet li hemm biża’ kbir li, minħabba n-nuqqas kbir ta’ riżorsi, it-Turkija tista’ tara diżastru ieħor li jħalli aktar nies mejta milli ħallew it-terremoti.
Mijiet ta’ uffiċjali ta’ salvataġġ minn pajjiżi differenti, inklużi dawk Maltin, għadhom għaddejjin bi tfittxija intensiva qalb it-tifrik tal-binjiet, bit-tama li jsibu u jsalvaw aktar nies ħajjin.
Il-midja internazzjonali rrappurtat li l-President Tork qed jiġi kkritikat bil-qawwa għall-mod kif qed jindirizza din is-sitwazzjoni. F’messaġġ li wassal huwa ddefenda lill-Gvern tiegħu u qal li kien impossibbli li l-pajjiż xi darba jkun preparat għal dan it-tip ta’ diżastru.
It-Turkija qalet li se tkun qed tiftaħ żewġ fruntieri oħra li jmissu mas-Sirja sabiex tibgħat l-oġġetti bżonnjużi. In-Nazzjonijiet Uniti bagħtet sitt trakkijiet mimlija affarijiet lejn is-Sirja.
Ritratt: Getty Images