Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab fi Brussell, fejn qiegħed jattendi għal Summit Speċjali tal-Kunsill Ewropew.
F’dan is-Summit, il-mexxejja Ewropej qegħdin jiddiskutu l-gwerra fl-Ukrajna, l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea, u l-migrazzjoni.
F’dan l-ewwel jum tas-Summit, kien hemm preżenti l-President Ukren, Volodymr Zelensky.
Il-President Ukren kellu laqgħat bilaterali mal-mexxejja Ewropej, fosthom mal-Prim Ministru Malti, Robert Abela.
Fuq Twitter, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern Malti se jkompli jassisti b’għajnuna umanitarja lill-poplu Ukren, anki peress li Malta bħalissa għandha siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurta tan-Nazzjonijiet Uniti.
Meta l-President Ukren indirizza s-Summit Speċjali tal-Kunsill Ewropew, huwa rringrazzja liċ-ċittadini Ewropej talli kienu ta’ appoġġ tul din is-sena, kemm ilha għaddejja l-invażjoni Russa fl-Ukrajna.
“I am very grateful to you for the economic support and the energy solidarity as well, so that you will help us to manage, preserve our financial and social stability in Ukraine, even in such a difficult situation, n the situation of a large scale war.”
Il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, wiegħed li l-Unjoni Ewropea se tagħti s-sapport kollu tagħha lill-Ukrajna, kemm militarment kif ukoll politikament.
“Dear President Zelensky, your presence here today, almost a year later is a powerful symbol. You represent the brave people of Ukraine, you are a reflection of your people. They have fought back and defend it, their families, their homes, their country, their future.”
Qabel attenda għas-Summit Speċjali tal-Kunsill Ewropew, il-President Ukren indirizza wkoll lill-Parlament Ewropew.
Zelensky iltaqa’ mal-mexxejja Ewropej wara li, matul il-jum tal-Erbgħa, huwa żar ir-Renju Unit u Franza.
Waqt dan is-Summit Speċjali tal-Kunsill Ewropew, il-mexxejja Ewropej qablu li jkomplu jibagħtu għajnuna umanitarja lejn it-Turkija u s-Sirja wara t-terremoti qawwija li seħħew ftit tal-jiem ilu.
Intqal li s’issa ntbagħtu aktar minn elf u sitt mitt ħaddiem tas-salvataġġ lejn it-Turkija – fosthom it-tnejn u tletin (32) uffiċjal tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Intant, fost l-impjenji tal-Prim Ministru Robert Abela fi Brussell kien hemm laqgħa tal-Partit Soċjalista Ewropew. Hemmhekk, Dr Abela kellu laqgħa mal-mexxejja Soċjalisti minn madwar l-Unjoni Ewropa.
Il-Prim Ministru aċċenna għall-ħtieġa li l-partiti Soċjalisti jħejju ruħhom għall-kampanja marbuta mal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li se jsiru s-sena d-dieħla.
Il-Mexxej Laburista saħaq li l-politika tas-Soċjalisti Demokratiċi tiddistingwihom ferm minn dik ta’ familji politiċi oħrajn fl-aspett soċjali. Huwa saħaq li, bi tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej, trid titwassal viżjoni fl-oqsma importanti għan-nies bħal fl-edukazzjoni, fis-saħħa, il-mobbiltà soċjali, u l-ugwaljanza.
Jakkumpanja lill-Prim Ministru għal din il-laqgħa kien hemm id-Deputat Laburista, Glenn Bedingfield.