Kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Jeremie Camilleri, Malti-Franċiż ta’ 33 sena li qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ Torka ta’ 30 sena, Pelin Kaya, wara li tajjara fil-Gżira waqt li kien taħt l-effett tad-droga.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, semgħet kif wara l-arrest ta’ Camilleri, meta l-Pulizija marret biex taċċessa r-residenza tal-akkużat, ix-xena kienet waħda “tal-biża’”, hekk kif kien hemm it-tojlit beda jfur, ġrieden fir-residenza u ħmeġ fl-art. Huma ddeskrivew il-post bħala wieħed li “ma jridux jgħixu fih”.
Intqal kif din ir-residenza tinfed ma’ dik ta’ omm l-akkużat permezz ta’ ġardina fuq wara tad-dar, iżda li l-aċċess kien imblukkat.
Waqt ix-xhieda tiegħu, is-Surġent tal-Pulizija, Christian Xuereb, spjega kif hu kien appuntat biex jara liema kienet l-iqsar rotta mir-residenza tal-akkużat sa fejn seħħ il-każ fejn waqt l-investigazzjoni ħareġ ukoll li l-akkużat kien qala’ ċitazzjoni minn speed camera fil-By-pass ta’ Birkirkara hekk kif kien qed isuq b’75.8km fis-siegħa.
Ir-rotta minn Ħal Lija għall-Gżira ħadet seba’ minuti sakemm fuq il-kameras tas-sigurtà nqabad kif il-vettura li kienet qed tinstaq lejn ix-xatt, laqtet lill-vittma.
Fuq il-filmat l-akkużat deher ukoll ħiereġ mill-karozza filwaqt li tbaxxa madwar ħames darbiet biex jiġbor il-ġebel, b’uħud minnhom waddabhom lil dawk li kienu fil-madwar u anke lill-vittma li kienet fl-art.
Fuq il-kameras hu nqabad ukoll anke jattakka lil dawk li kienu fiż-żona, fosthom pastizzar li kien fil-ħanut tiegħu u ħareġ jara x’ġara bil-konsegwenza li spiċċa attakkat minn Camilleri stess.
Fil-Qorti l-avukat tal-akkużat, Alfred Abela, talab lill-Qorti għal assessjar psikjatriku ġdid fuq l-akkużat bl-avukati tal-familja tal-vittma flimkien mal-Avukati Ġenerali ma qablux. Il-Maġistrat qablet li tappunta assessjar psikjatriku mill-Qorti biex jiġi evalwat l-istat mentali tal-akkużat.
Il-Qorti ddikjarat li kien hemm biżżejjed evidenza prima facie biex l-akkużat jgħaddi ġuri.
Il-kumpilazzjoni tal-evidenza se tkompli f’Marzu.