Il-Bank of Valletta estenda l-appoġġ tiegħu lill-Assoċjazzjoni tal-iSport Akkwatiku ta’ Malta għal 3 snin oħra bl-ewwel kompetizzjoni li taqa’ taħt dan il-ftehim ġdid tkun il-Kampjonat BOV Water Polo tax-Xitwa li se jibda tibda nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Frar 2023. Dan tħabbar mill-President tal-ASA Karl Izzo u ċ-Chief Risk Officer tal-Bank of Valletta Miguel Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn ġie ppreżentat uffiċjalment lill-Media l-Istaff Tekniku l-ġdid tal-ASA.
‘Nixtiequ nirringrazzjaw lill-Bank of Valletta tal-appoġġ tagħhom, tal-fiduċja tagħhom fil-ħidma tagħna u tat-twemmin tagħhom fil-viżjoni tagħna li nkomplu ngħollu l-livell tal-isport akkwatiku fil-Gżejjer tagħna’ qal il-President tal-ASA. ‘Se naraw 12-il tim jikkompetu fil-BOV Winter League fuq 2 diviżjonijiet kif ukoll it-tieni edizzjoni tal-Kampjonat tax-Xitwa tan-nisa, li se ssir fixture fil-kalendarju tal-waterpolo.’
‘Il-BOV u l-ASA se jaħdmu aktar mill-qrib flimkien, u se nkunu qed indaħħlu l-prinċipji tal-Ambjent, Soċjali u ta’ Governanza (ESG) fil-kollaborazzjoni tagħna,’ qal Miguel Borg. ‘Qed nesploraw modi kif intaffu l-impatt fuq l-ambjent tal-isport, u se nkunu qed naqsmu l-għarfien tagħna biex ngħinu lill-ASA fit-titjib tal-governanza u t-trasparenza. Bl-udjenza estensiva li tgawdi l-ASA, se nkunu qed nikkollaboraw ukoll biex nikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-kwistjonijiet soċjali.’
‘Illum hawn ukoll biex nintroduċu t-tim ġdid tal-istaff tekniku għall-Waterpolo, Għawm u Għawm Artistiku,’ kompla l-President tal-ASA. ‘Din kienet l-ewwel prijorità tiegħi bħala l-President il-ġdid tal-ASA. Wasal iż-żmien li nimxu pass ieħor ‘il quddiem u billi nagħmlu hekk qed ninvestu fil-ġenerazzjoni li jmiss. Flimkien mal-Kumitat Eżekuttiv, ħdimna ħafna biex nilqgħu nies kwalifikati u ta’ esperjenza biex ikunu parti mill-istaff tekniku u amministrattiv tagħna.’.
Milan Cirovic inħatar bħala Kowċ tal-Tim Nazzjonali tal-Water Polo tal-Kbar u tat-tim tal-Water Polo ta’ taħt is-17 ‘il sena. Is-Sur Cirovic ġej mill-Montenegro, fejn kien l-assistent kowċ tat-tim nazzjonali. Barra minn hekk, kien assistent kowċ ta’ PVK Jadran u ma’ Galatasaray fit-Turkija. Milan huwa kwalifikat bi grad ta’ baċellerat fil-kowċing fl-Isport u fil-Ġestjoni.
L-eks captain tat-tim nazzjonali Niki Lanzon se jkun l-assistent tas-Sur Cirovic fit-tim tal-Kbar. `Lanz` m’għandu bżonn l-ebda introduzzjoni għall-isport fejn rebaħ 9 kampjonati, 6 knock-outs, 9 Presidents Cup u 8 kampjonati tax-Xitwa ma’ Neptunes. Huwa ġie vvutat ukoll Plejer tas-Sena tal-Water Polo fl-2001 u fl-2004.
Anthony Farrugia se jkun l-assistent ta’ Cirovic għat-Tim Nazzjonali tal-U17. ‘Panelli’ rebaħ il-premju ‘Kowċ tas-Sena’ fil-Malta Sports Award is-sena l-oħra u l-esperjenza tiegħu ma’ dan il-grupp żgur se tkun ta’ benefiċċju għall-kowċ Cirovic.
It-tim Nazzjonali tal-Water Polo tal-Irġiel U15 jilqa’ lil Jonathan Valletta bħala Kowċ u lil Paul Privitera bħala l-assistent tiegħu. Valletta huwa isem magħruf fid-dinja tal-Water Polo fejn qatta’ 20 sena bħala membru tat-tim nazzjonali fejn beda ta’ 16-il sena, l-iżgħar plejer li qatt rrappreżenta lil pajjiżu. Huwa rebaħ midalja tal-fidda u tnejn tal-bronż fil-Comen Cup u spiċċa bħala l-aqwa skorer fis-Slovenja. F’kompetizzjonijiet lokali Jonathan rebaħ erba’ kampjonati, disa’ knock-outs u tliet kampjonati tax-Xitwa fost unuri oħra. Dawn huma ikkumplimentati minn 4 unuri tal- Plejer tas-Sena u t-tieni post fil-konkors Sportivi tas-Sena fis-sena 2000. Se jkun megħjun minn Paul Privitera, eks plejer tat-tim nazzjonali. Paul rebaħ ukoll 4 kampjonati, 3 knock-outs u ġie vvutat darbtejn bħala l-plejer tas-sena ta’ Malta fl-1999 u fl-2006. L-esperjenza tiegħu ta’ kowċing tmur lura bħala Assistent Kowċ u aktar tard Kowċ ta’ Sliema. Dan l-aħħar reġa’ ingħaqad ma’ Marsaskala bħala Assistent Kowċ. Bħalissa Paul huwa lecturer fl-MCAST fl-Istitut tal-Inġinerija tal-Bini u l-Kostruzzjoni u wkoll triatleta ta’ suċċess!
L-eks Plejer tat-Tim Nazzjonali ta’ Franza, b’aktar minn 150 ‘cap’ Aurelien Cousin se jkun il-kowċ tat-timijiet nazzjonali tan-nisa. Beda jilgħab ma’ Olympic Nice fl-età ta’ 17-il sena u rebaħ l-ewwel titli tiegħu fikampjonat Franċiż u 2 Tazzi Franċiżi. Wara staġun ma’ Marseille, Aurel sar l-ewwel Franċiż li lagħab f’wieħed mill-Kampjonati Ewropej ewlenin, preċiżament fl-Italja ma’ Bogliasco. Is-sena ta’ wara rritorna ma’ Nizza għal 3 staġuni u rebaħ 2 kampjonati oħra. Wara xi snin, Aurel sar membru tat-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo tal-irġiel. Huwa kien parti mill-iskwadra nazzjonali fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew tal-Water Polo tal-Irġiel tal-2016 u l-Kampjonat tal-Water Polo tal-Irġiel tal-2018 fejn kien l-ixjeħ plejer tal-kampjonat. Aurel ġie Malta ma’ Exiles bħala plejer u eventwalment bħala kowċ. Huwa lagħab ma’ San Giljan u kien strumentali biex is-Saints rebħu l-Kampjonat BOV tal-Water Polo fl-2017.
Għall-ewwel darba, l-ASA qed taħtar ukoll Managers tat-Timijiet Nazzjonali. Charles Portelli se jkun responsabbli mit-tim tal-kbar u tat-tim tal-Irġiel U19. Chris Sladden, eks plejer nazzjonali, se jkun responsabbli mit-tim tal-Water Polo tal-Irġiel U17 u U15 filwaqt li Claudio Azzopardi li ġie appuntat bħala Operations Manager tal-ASA, se jkun responsabbli mit-tim tal-Water Polo tan-Nisa.
L-ASA mhix waterpolo biss. Hija l-unika għaqda f’Malta li tieħu ħsieb 4 dixxiplini sportivi differenti b’kull dixxiplina tkun prijorità. Delon Dannhauser ġie kkonfermat bħala l-kowċ nazzjoali tal-Għawm. Delon ġej mill-Afrika t’Isfel u għandu esperjenza kbira kemm fil-kowċing kif ukoll fil-saħħa l-kondizzjonament tal-atleti. Qabel il-wasla tiegħu Malta, ħadem fis-Seagulls Swimming Club fejn kien assistent tal-Kowċ ta’ profil għoli tal-Afrika t’Isfel Graham Hill li kien parti mit-tim tal-kowċing tal-pajjiż fl-Olimpjadi tas-Sajf fis-sena 2000.
Michelle Hubner ġiet ikkonfermata bħala l-kowċ tal-Għawm Artistiku. Hubner hija kkwalifikata bi grad ta’ baċellerat fl-Isport u l-Eżerċizzju. Hija kkompetiet għal 14-il sena, 10 minnhom bħala parti mit-tim nazzjonali Bulgaru. Bħala atleta tat-tim nazzjonali, hija rrappreżentat lil pajjiżha f’diversi avvenimenti kemm bħala solo kif ukoll f’duetti fil-FINA World Series. Hija ilha fit-tmexxija tat-tim nazzjonali minn Diċembru 2020. Taħt il-mandat tagħha, Malta kisbet it-8 post f’solo u l-11-il post f’duet li saru s-sena l-oħra. Dan kien avveniment storiku għall-ASA fi sport li beda F’Malta 13-il sena ilu biss.
Qegħdin ukoll f’diskussjonijiet biex naħtru kowċ nazzjonali għall-għawm ‘Open Water’.
Wara l-introduzzjoni tal-istaff tekniku, fil-jiem li ġejjin, l-ASA se taħtar Kumitati Tekniċi għal kull dixxiplina li se jkunu komposti mill-kowċis tagħna u kowċis oħra lokali u barranin. L-għanijiet tal-kumitati huma li jħejju pjan strateġiku għat-3 snin li ġejjin. Apparti dan, il-kumitat tekniku u l-kumitat eżekuttiv approva s-‘Safeguarding and Ethics Committee’ taħt il-Presidenta ta’ Dr Pat Bonello. Din il-Kumitat se jkun responsabbli biex jaħdem biex jinħoloq ambjent fi ħdan l-isport akkwatiku kollu li jkun ħieles minn kull forma ta’ abbuż fiżiku, sesswali u psikoloġiku, inkluż bullying u kull forma ta’ diskriminazzjoni. Se jkun partikolarment sensittiv lejn it-tfal, iż-żgħażagħ u l-adulti vulnerabbli li huma involuti fl-isport akkwatiku u se jkun impenjat li jaġixxi dejjem fl-aħjar interessi tagħhom. Il-Kumitat se jiffoka fuq il-prevenzjoni ta’ dawn il-forom ta’ abbuż permezz ta’ għarfien u edukazzjoni, u fuq it-teħid ta’ azzjoni xierqa jekk ikun hemm xi allegazzjonijiet ta’ abbuż.
Fil-jiem li ġejjin se jinħatar ukoll kumitat ġdid għall-iżvilupp edukattiv. L-iskop ta’ dan il-kumitat huwa li jidentifika inizjattivi mmirati biex iżidu t-tkabbir fl-isport fejn jidħol il-kowċing, l-uffiċjali u l-parteċipazzjoni tal-atleti. Dan il-kumitat se jkun responsabbli mill-ħolqien ta’ strateġiji li jappoġġjaw inizjattivi ta’ żvilupp tal-klabbs biex jinkoraġġixxu t-tkabbir tal-isport, jidentifikaw opportunitajiet fi ħdan is-sistema edukattiva u jtejbu programmi eżistenti u joħolqu inizjattivi ġodda. Opportunitajiet ta’ finanzjament edukattiv għall-appoġġ tal-klabbs se jkunu wkoll fil-kompetenza ta’ dan il-kumitat.