Erba’ maġistrati ġodda ħadu l-ġurament tal-ħatra biex b’hekk jingħaqdu mal-korp tal-ġudikanti ta’ pajjiżna.
Dan seħħ waqt ċerimonja fil-Palazz ta’ San Anton, l-Erbgħa waranofsinhar, quddiem il-President ta’ Malta, George Vella, u fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela, tal-Avukat tal-Istat Chris Soler, tal-Prim Imħallef Mark Chetcuti, u tal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard.
Il-Maġistrati l-ġodda huma Dr Kevan Azzopardi, Dr Gianella Camilleri Busuttil, Dr Abigail Critien, u Dr Joseph Gatt.
Fid-diskors tiegħu, il-Maġistrat Kevan Azzopardi qal li jinsab onorat b’din il-ħatra u rrimarka d-dmir importanti li jenforza l-liġijiet ta’ pajjiżna.
Il-Maġistrat Giannella Camilleri aċċennat għall-importanza tal-kariga ta’ maġistrat biex tiġi salvagwardjata s-saltna tad-Dritt.
Il-Maġistrat Abigail Critien ukoll qalet li tinsab onorata b’din il-ħatra filwaqt li wiegħdet li se tara li l-ġustizzja taħtha tkompli ssir u ssir fiż-żmien opportun.
Min-naħa tiegħu, il-Maġistrat Joseph Gatt semma l-importanza tar-rispett bejn il-ġudikanti u l-avukati u sostna li jemmen li dan jista’ jwassal għal ġid kbir fi ħdan il-Qorti.
Il-President ta’ Malta, George Vella, qal li jilqa’ b’sodisfazzjon okkażjonijiet bħal dan li jfissru aktar riżorsi għall-qrati tagħna filwaqt li jkomplu jikkonfermaw il-ħiliet tal-Maltin.
“Nilqa’ b’sodisfazzjon okkażjonijiet bħal dawn. Dan mhux biss għax se jkun qed jiżdied b’mod konkret ir-riżorsi tal-Qorti ta’ Malta permezz tal-ħatriet bħal dawn li saru llum, iżda fuq kollox għax qed ikomplu jistudjaw il-kredenzjali tagħna fl-oqsma tal-istat tad-dritt u l-governanza t-tajba.”
Huwa aċċenna għar-responsabbiltajiet tal-Maġistrati l-ġodda u rrimarka li l-aċċess għall-ġustizzja huwa dritt ta’ kulħadd filwaqt li d-dmir tal-imparzjalità huwa wieħed kruċjali.
Dan anke aċċenna għalih il-Prim Ministru Robert Abela wara li ntemmet iċ-ċerimonja tal-ħatra, waqt li kien qed iwieġeb lill-ġurnalisti.
Huwa mill-ġdid emfasizza wkoll l-importanza li l-Qrati jibgħatu messaħħ b’saħħtu lil kull min jonqos fis-soċjeta tagħna, partikolarment b’rabta ma’ reati ta’ ċertu portata.
Trid tkun il-Qorti tagħna jekk hux il-Qorti fil-Prim Istanza jekk hux eventwalment il-Qorti tal-Appell Kriminali li tibgħat konsistentament messaġġ b’saħħtu li kull min jonqos fis-soċjeta tagħna, kull min partikolarment iwettaq reati ta’ ċertu portata jiġifieri li jkollhom chilling effect fis-soċjeta tagħna, hemmhekk kulġadd jaf x’tgħix il-liġi, x’inhuma l-pieni, iżda umbagħad il-Qrati jridu jkunu huma li jagħtu sentenzi li jkunu jirriflettu biżejjed il-gravita tar-reat u li jservu ta’ deterrent lil min mhux biss wettaq dak ir-reat imma lil kull min ikun qatt beħsiebu jġib ruħu ħażin, li jaħsibha darbtejn qabel iġib ruħu ħażin u jdaħħal dan l-effett negattiv fis-soċjetà tagħna.”