Il-Parlament ilbieraħ filgħaxija fakkar is-70 anniversarju tal-olokawst u żamm minuta silenzju biex jagħti ġieħ lill-vittmi – sitt miljun Lhud, fosthom 1,500,000 tifel u tifla.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li l-okkazzjoni m’għandhiex tkun biss tifkira tal-vittmi iżda li naħdmu biex nitgħallmu l-lezzjonijiet minn dan l-avveniment ħalli affarijiet koroħ bħal dawn ma jerġgħux jiġru.
Id-deputat Nazzjonalista Tonio Fenech irrefera għall-abort u sejjaħlu “l-olokawst modern”. Huwa qal li fl-Istati Uniti biss, mill-1973, inqatlu 60 miljun tarbija mhux mitwielda.
Id-deputat speaker Ċensu Galea qal li olokawst modern ieħor huwa l-assassinju tal-karattur u appella lill-membri parlamentari u liċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin beix joqgħdu attenti qabel ma jaqbdu u jiktbu fi blogs fuq ħaddieħor.