Il-Gvern ħabbar il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni għal Malta għall-ħames snin li ġejjin.
Għal dan il-programm operattiv, li jifforma parti mill-pakkett ta’ €2.2 biljun li nnegozja b’suċċess il-Gvern Malti, hemm allokat investiment ta’ €166 miljun.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, u fil-preżenza ta’ bosta msieħba li jaħdmu fil-qasam, ġie spjegat kif dawn il-fondi se jolqtu b’mod pożittiv lis-settur tar-raħħala u bdiewa Maltin u Għawdxin.
Fil-fatt, fost l-oħrajn, permezz ta’ dan il-pjan se jkun hemm żieda sostanzjali fl-allokazzjoni għall-pagamenti diretti biex itejbu l-qagħda ekonomika tal-bdiewa u anke skema ta’ investiment fejn bdiewa żgħażagħ jiġu appoġġjati għal proġetti ta’ investiment sa valur massimu ta’ €100,000, iżda mhux biss.
Tkellmet magħna f’aktar dettall dwar x’jinvolvi dan il-pjan Louisa Formosa, id-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija Arpa, li hija responsabbli mill-ħlasijiet relatati mal-agrikoltura u l-affarijiet rurali. Hija spjegat ukoll il-proċess li bih dawk interessati jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-fondi.
“Jintbagħtu lill-benefiċjarji, jikkonfermaw id-dettalji tal-applikazzjonijiet u jibgħatuhomna lura ffirmati fis-self-addressed envelopes biex imbagħad jinħadmu u jkunu jistgħu jirċievu l-pagamenti”.
Minn naħa tiegħu, il-Ministru Anton Refalo semma aktar skemi li se jkunu qed jiġu sostnuti bħala parti minn dan il-pjan.
“Inti għandek pjan ħolistiku biex immexxu l-biedja organika u fl-istess ħin, u bħala strateġija, ngħid jien, li qed nagħmlu pjan li jkollna ikel li jkun sostenibbli u li jkun tajjeb għall-konsumatur. Dan fl-isfond tal-pjan tal-farm to fork strategy.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, qal li fiż-żmien qrib se jkun hemm diskussjonijiet mal-kumitat ta’ moniteraġġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kriterji li għandhom joħorġu fl-espressjoni ta’ interess għall-local action groups.
“Dan il-fond se jkun qed jgħin biex il-bdiewa jkunu qed jieħdu aktar fondi diretti kif ukoll fondi għall-investiment tagħhom. Fix-xhur li ġejjin se nkunu qed nibdew nagħmlu l-kors biex ovvjament nibdew nutilizzaw dawn il-fondi tant importanti għas-settur tal-biedja u l-agrikoltura ta’ pajjiżna.”
Apparti li se jibbenefikaw minn Fondi Ewropej, il-bdiewa u r-raħħala se jkunu qed igawdu minn skemi mnedija mill-Gvern, fosthom skemi ta’ taħrig għall-bdiewa żgħażagħ, oħrajn għall-benesseri tal-annimali, u skema tal-vawċers għall-fertilizzanti sabiex jitnaqqas il-piż ekonomiku li qed jirriżulta mill-gwerra fl-Ukrajna, flimkien ma’ skemi oħra.