Matul il-jiem li ġejjin il-gżejjer Maltin mistennija jintlaqtu minn maltempata li ngħatat l-isem Helios.
L-Uffiċċju Meteoroloġiku fi stqarrija qal li l-maltempata hija mbassra li tolqot lil pajjiżna tard matul il-jum tal-Erbgħa. Filwaqt li l-Uffiċċju tat-temp diġà ħareġ twissija ta’ riħ qawwi, iċ-ċentru ta’ din is-sistema ta’ pressjoni baxxa ser ikun l-eqreb lejn il-Gżejjer Maltin bejn nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa.
Mis-sigħat bikrin ta’ nhar il-Ħamis sal-Ħamis filgħaxija, riħ qawwi ħafna ta’ forza 7 mil-Lvant huwa mbassar li ser jaffettwa lill-Gżejjer Maltin, b’buffuri li mistennijin jilħqu l-45 mil nawtiku fis-siegħa. Dan ser jaffettwa l-baħar, li mistenni jkun qawwi ħafna għal għoli, b’mewġ li mistenni jlaħħaq il-ħames metri.
Għal dan il-pubbliku huwa avżat jevita żoni mal-kosta minħabba l-possibbiltà ta’ għargħar.
Kif intgħażel l-isem Helios?
L-Uffiċċju Meteoroloġiku ta’ Malta huwa membru tal-EUMETNET – Storm Naming Central Mediterranean Group, flimkien ma’ uffiċċji oħrajn fl-Italja, is-Slovenja, il-Kroazja, il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Montenegro.
Fil-bidu ta’ kull staġun, is-servizzi meteoroloġiċi nazzjonali taċ-ċentru tal-Mediterran jaqblu dwar lista ta’ ismijiet li jiġu ppreżentati f’ordni alfabetika. Dawn imbagħad jintużaw matul staġun partikolari kull darba li maltempata, li tkun se ġġib magħha riħ qawwi u / jew twissijiet ħomor ta’ xita, tolqot lir-reġjun.
L-ewwel pajjiż minn dan il-grupp li jkun ser jintlaqat minn maltempata partikolari jkollu r-responsabbiltà li jħabbarha. Helios hija t-tmien maltempata għall-istaġun tal-2022/2023 li qiegħda titħabbar mill-grupp EUMETNET.
Sistemi li permezz tagħhom il-maltempati jingħataw isem jgħinu sabiex ikun hemm komunikazzjoni aktar effettiva dwar kundizzjonijiet ta’ temp ħżiena li jkunu ser jaffettwaw diversi pajjiżi.