Raġel li jqassam l-ikel u security guard inżammu arrestati wara li ċaħdu li serqu basket ta’ mara ta’ 72 sena li fih kien hemm karti tal-kreditu u hearing aids li jiswew mal-€10,000.
Iż-żewġt irġiel, ta’ nazzjonalità Indjana, dehru quddiem il-Maġistrat Donatello Frendo Dimech, l-Erbgħa filgħodu.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia qalet li l-każ seħħ fit-2 ta’ Jannar bejn nofsillejl u s-siegħa ta’ filgħodu f’San Pawl il-Baħar.
Wieħed mill-irġiel ġie akkużat b’mod separat li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ każ separat u li jinvolvi t-traffikar ta’ 9kg kannabis.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-karti ta’ kreditu li nsterqu lill-mara ntużaw f’ħanut f’San Ġiljan. L-investigaturi analizzaw il-filmati tas-sigurtà tal-istess ħanut, fejn dehru l-akkużati jużaw il-karti tal-kreditu biex jixtru.
F’dan l-istadju ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.
L-Avukati Mario Mifsud u Daniel Attard irrappreżentaw liż-żewġ imputati.