B’investiment ta’ €400,000 mill-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp tal-Awtorità tal-Ippjanar għaddej xogħol ta’ restawr fuq il-makkinarju tal-Mitħna tar-Riħ tal-Għaqba, fin-Naxxar.
Din il-mitħna, li hija waħda mill-eqdem u l-akbar imtieħen f’Malta, se tkun qed terġa’ tieħu l-ħajja għax filwaqt li se terġa’ tibda taħdem kif kienet qabel, se sservi wkoll bħala ċentru kulturali fil-komunità u attrazzjoni turistika.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, Oliver Magro, qal li l-Awtorità qed tiffinanzja dan il-proġett kulturali, li permezz tiegħu din se titgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri.
“Investiment totali ta’ €400,000, fejn bis-saħħa tagħhom ġiet irrestawrata l-mitħna ġewwa n-Naxxar, kif ukoll il-kostruzzjoni tal-makkinarju tal-qlugħ tal-istess mitħna.”
Żar dawn ix-xogħlijiet ukoll il-Ministru responsabbli mill-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi.
Huwa qal li x-xogħol ta’ restawr li għaddej fuq dan il-proġett huwa turija ċara tal-impenn tal-Awtorità tal-Ippjanar li taħdem favur il-konservazzjoni tal-wirt Malti.
“Dan huwa proġett b’kollaborazzjoni bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Kunsill Lokali tan-Naxxar, illi ta riżultati mill-isbaħ, riżultati li taw ħajja ġdida lil din il-mitħna, li hija ikonika f’dan il-lokal.”