Fortunatament, Tuba Saraç tinsab qawwija u sħiħa u għad għandha darha.
Ma kellhomx l-istess xorti numru ta’ kuġini u qraba tagħha. Kien hemm minnhom li mietu mirdumin, u oħrajn tilfu s-saqaf ta’ fuq rashom fit-terremot maġġuri li ħalla ħerba sħiħa u mas-7,000 ruħ mejta fit-Turkija u fis-Sirja.
Sas-sena l-oħra Tuba kienet taħdem fil-qasam tas-servizzi finanzjarji f’Malta. Illum toqgħod fil-belt ta’ Adana, waħda mill-bliet fin-naħa t’isfel tat-Turkija li ntlaqtu bil-qawwi mit-theżżiża ta’ forza 7.9.
Meta tkellmet ma’ ONE News b’qalbha mnikkta, Tuba ma xtaqitx tiffoka fuq id-dettalji li rat madwarha, għax għadha taħt xokk. Riedet, iżda, taqsam magħna l-ħsus tagħha f’dan il-mument diffiċli.
“Kien l-agħar mument ta’ ħajjitna. Qatt qabel ma ħassejtni kif ħassejtni f’dak il-waqt,” qalet Tuba. “Huwa sentiment akbar mill-uġigħ, aktar mid-dieqa, aktar mid-dmugħ. Għall-ewwel, lanqas biss stajt naħseb. Għall-ewwel darba ma stajniex inkunu ma’ ħbiebna u ma stajna nagħmlu xejn. It-Turkija qisha familja bil-vistu: kullimkien krib, niket, dmugħ, iżda l-aktar skiet. Ma nafux x’se naqbdu nagħmlu. Ma nafux kif se jirnexxielna. L-unika ħaġa: itolbu għalina, itolbu għalina.”
Hija qalet li, fil-perjodu kemm damet toqgħod Malta, saret taf kemm il-Maltin huma dħulin u qalbhom tajba, u żżiet ħajr lil Malta għall-għajnuna li qed tagħti lil pajjiżha.