Il-Kummissjoni Ewropea tat l-ewwel minn ħames bastimenti tal-gwardja tal-kosta ġodda lil-Libja sabiex tgħin fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u biex tipprevjeni milli n-nies li qed ifittxu l-ażil jaħarbu lejn l-Ewropa.
Id-dgħajsa ngħaddiet lil-Libja waqt ċerimonja li saret l-Italja u li fiha ħadu sehem il-Kummissarju Ewropew għall-Viċinat u t-Tkabbir u l-Ministru Libjan għall-Affarijiet Barranin. L-għotja saret proprju ftit jiem qabel is-Summit Ewropew li se jitratta l-migrazzjoni u li għalih se jkun hemm preżenti l-mexxejja Ewropej.
Dwar l-għoti tal-bastimenti lil-Libja, l-Unjoni Ewropea qalet li tħares lejn dawn il-bastimenti bħala mezz biex jiġu salvati l-ħajjiet.
Dan l-iżvilupp jimxi id f’id mal-ħidma ta’ bosta Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, fosthom Malta, li fl-aħħar snin kellhom bosta laqgħat u għamlu żjajjar sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni f’diversi oqsma.
Il-Gvern Taljan ta’ Giorgia Meloni ġedded ftehim li permezz tiegħu se jiġu provduti aktar fondi u tagħmir sabiex tissaħħaħ il-ġlieda tal-migrazzjoni irregolari bil-baħar.