Fil-Parlament illejla, il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, faħħar il-ħidma tal-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili fit-Turkija li, qal li saħansitra qed jirriskjaw ħajjithom biex isalvaw ta’ ħaddieħor.
Huwa ta wkoll dettalji dwar il-ħidma li qed issir mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jinġabru oġġetti li saret talba għalihom mill-pajjiżi milquta.
Il-Ministru beda billi ċċara kif filwaqt li sa issa kien hemm min offra li jwassal l-affarijiet lejn it-Turkija, ħadd għadu ma offra biex jieħu l-oġġetti bżonnjużi lis-Sirja, anki minħabba l-kuntest tas-sitwazzjoni u ċ-ċirkostanzi preżenti fis-Sirja.
Filwaqt li qal li għandhom jingħataw aktar dettalji f’avviż li se joħroġ id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Ministru qal li min jixtieq jagħti xi oġġetti t’għajnuna f’Malta jista’ jagħmel dan fl-istazzjoni tal-Protezzjoni Ċivili ta’ Ħal Far, u f’Għawdex fl-istazzjoni tas-CPD fix-Xewkija.
Isma’ l-kumment bid-dettalji billi tagħfas fuq il-filmat t’hawn taħt.
Ara wkoll: