Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, tinsab fiċ-ċentru ta’ kontroversja oħra wara li l-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, żamm lill-Parlament Ewropew responsabbli għall-iżvelar ta’ informazzjoni sigrieta – żvelar li jista’ jwassal biex jikkomprometti s-sigurtà tal-istess Zelensky.
Il-midja internazzjonali, fosthom il-Politico u The Guardian, irrappurtaw li s-swaba’ qed jiġu ppuntati lejn uffiċjali ta’ Roberta Metsola fil-Parlament Ewropew bħala dawk li kixfu li Zelensky jista’ jattendi għall-Kunsill Ewropew li jmiss, li se jitlaqqa’ fi Brussell nhar il-Ħamis. Il-Kunsill se jkompli jiddiskuti l-gwerra fl-Ukrajna, il-qagħda ekonomika fl-Ewropa, u l-migrazzjoni.
Daqs 48 siegħa qabel din iż-żjara potenzjali, din issemmiet fil-midja Taljana u tħabbret fi tweet mill-Partit Popolari Ewropew. It-tweet tneħħiet wara li qalgħet l-inkwiet fi ħdan l-istuzzjonijiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, laħqu rawha xi ġurnalisti u żammew kopja tagħha.

Il-gazzetta The Guardian irrapportat dwar inkwiet li nħoloq fl-Unjoni Ewropea wara li nkixfet din l-informazzjoni sensittiva interna. Il-ġurnal irrimarka li dan is-saram huwa ta’ imbarazzament għal Roberta Metsola, li mhux biss hija l-President tal-Parlament Ewropew – li qed jiġi akkużat li minnu ħarġet din l-informazzjoni – iżda hija wkoll membru tal-Partit Popolari Ewropew, li ppubliċizza din iż-żjara u kkomprometta s-sigurtà tal-President Ukren.
Kelliem għal Michel, madanakollu, la ċaħad u lanqas ikkonferma ż-żjara ta’ Zelensky u qal li l-istedina għall-President Ukren hija waħda miftuħa.
The Guardian irrapporta li Zelensky kien qed jippjana li, fi Brussell, il-Ħamis, jiltaqa’ personalment mal-mexxejja Ewropej u jindirizza l-Parlament Ewropew waqt seduta straordinarja. Iż-żjara ġiet ippjanata bl-ogħla segretezza minħabba tħassib dwar is-sikurezza tiegħu.
F’sena ta’ gwerra mar-Russja, il-President Ukren ħareġ darba biss minn pajjiżu biex mar Washington, fejn iltaqa’ mal-President Amerikan Joe Biden u indirizza l-Kungress Amerikan.
Dakinhar, iż-żjara ta’ Zelensky nżammet mistura kważi sal-aħħar u sar magħruf li kien ħareġ barra minn pajjiżu biss meta ntlemaħ imdawwar minn uffiċjali tas-sigurtà fi stazzjoni tal-ferrovija fil-Polonja.